Aqbeż għall-kontentut

Mediterran

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Baħar Mediterran)
Il-baċir tal-Baħar Mediterran
Il-fruntieri tal-Baħar Mediterran

L-isem tal-Baħar Mediterran

Il-Mediterran ingħata bosta ismijiet matul is-snin f'bosta lingwi u minn popli diversi, kemm minn dawk li għexu u għadhom jgħixu madwaru kif ukoll minn oħrajn minn pajjiżi 'l bogħod li rriferew għalih matul is-sekli. Jidher li l-isem Mare Mediterrāneum jissemma l-ewwel darba fi żmien l-Imperu Ruman, fit-tielet seklu W.K. Apparentement, kien il-filosofu Gaius Julius Solinus li uża dan it-terminu għall-ewwel darba. Biss, l-eqdem dokument li juri dan it-terminu imur lura sas-sitt seklu W.K. miktub minn Isidore ta' Sevilja.Dan it-terminu jfisser, 'Fin-nofs tal-art' - riferenza għall-baħar li jinsab bejn l-artijiet, medius (in-nofs), terra (art), u - āneus (għandu l-għamla / jixbah). Il-Mediterran hu magħruf mill-Għarab bħala, al-Baḥr [al-Abyaḍ] al-Mutawassiṭ (البحر [الأبيض] المتوسط) 'il-Baħar (l-Abjad) tan-Nofs.

Ġeografija ġenerali

Il-Baħar Mediterran għandu tul ta' madwar 3.800 km (2.400 mil), filwaqt li l-erja tiegħu hi ta' 2.5 miljun km². Dan il-baħar hu magħqud mal-Oċean Atlantiku permezz tal-Istrett ta' Ġibiltà min-naħa tal-Punent, u mal-Baħar l-Aħmar permezz tal-Kanal tas-Swejż , li tħaffer fl-1869 biex jiffaċilita l-komunikazzjoni bil-baħar mal-Oċean Indjan. Mill-Istrett tad-Dardanelli l-Mediterran jagħqad mal-Baħar l-Iswed. Il-Mediterran hu maqsum f'diversi ibħra reġjonali. Prinċipalment, dawn huma, il-Baħar Adrijatiku, l-Baħar Eġew, l-Baħar Jonju, Il-golf ta' Sirte u l-Baħar Tirren. Il-perimetru kostali hu ta' madwar 46.000 km. Dan it-tul jgħaddi matul il-kosta ta' 22 pajjiż differenti.

Formazzjoni ġeografika u ġeoloġika

[immodifika | immodifika s-sors]

Skont it-teorija magħrufa bħala 'The Continental Drift Theory', daqs tletin miljun sena ilu, il-Baħar Mediterran beda jifforma ruħu hekk kif iż-żewġ kontinenti, dawk tal-Afrika u dak tal-Ewrażja qorbu lejn xulxin, wieħed min-naħa tan-Nofsinhar u l-ieħor min-naħa tat-Tramunta. Biż-żmien, wara ħafna miljuni tas-snin, bdew anki jaħbtu ma' xulxin, kemm min-naħa tal-Punent, fejn il-ponta ta' dik li llum tagħmel parti mill-Marokk u l-art Iberika, u min-naħa tal-Lvant Nofsani. Daqs sitt miljun sena ilu l-Istrett ta' Ġibiltà nagħlaq u għal daqs 600,000 sena, il-baħar fil-baċin tal-Mediterran beda jevapora minħabba li issa l-baħar tal-oċean Atlantiku ma baqax jidħol mill-Istrett. Dan il-fenomenu ambjentali hu magħruf bħala Kriżi tas-Salinità Messinjana (The Messinian Salinity Crisis). Sadanittant il-widien fil-qiegħ tal-Mediterran bdew jiffurmaw depożiti ta' miljuni ta' metri kwadri ta' melħ. Maċ-ċaqliq tal-blatt taż-żewġ kontinenti, bdew anki jiffurmaw serje ta' reġjuni ta' muntanji, bħall-Pirinej, l-Alpi, u l-Atlas u widien. Ma' dawn wieħed irid isemmi ukoll l-attività vulkanika li ħalliet u għadha tħalli effett fuq il-ġeoloġija u l-ġeografija tar-reġjun. Ħafna speċi terrestri, u marini ġew effettwati b'dawn il-movimenti tal-kontinenti għaliex minn żmien għall-ieħor kellhom jaddattaw ruħhom għal klima u ambjent differenti. Daqs ħames miljun sena ilu, il-ħajt ta' blat li kien jimblokka l-Istrett ta' Ġibiltà infaqa', kemm biċ-ċaqliq tal-kontinenti kif ukoll bil-pressa u s-saħħa tal-Oċean Atlantiku. L-esperti jaħsbu li fi żmien sentejn il-baħar li daħal mill-Istrett ta' Ġibiltà irnexxielu jerġa' jimla' il-baċin tal-Mediterran.

Fl-aħħar miljun sena il-baħar naqas mill-fond tiegħu minħabba l-perijodi glaċjali, u l-gżejjer Mediterranji reġgħu ingħaqdu ħaġa waħda mal-kontinent Ewropew bosta drabi. Dan kien żmien fejn bosta merħliet ta' annimali, bħal ma huma, merħliet kbar ta' iljunfanti u l-ipopotami kellhom bilfors jinżlu lejn il-Mediterran biex jaħarbu l-kesħa xitwija ta' tul esaġerat u jsibu artijiet mhux miksija bis-silġ biex ikunu jistgħu isibu x'jieklu. Dawn setgħu jaqsmu lejn bosta gżejjer Mediterranji, fosthom Malta għaliex il-livell tal-baħar kien ħafna aktar baxx mil-lum tant li l-ispazju ta' bejn Malta u Sqallija kien ħieles mill-baħar u l-art kienet xotta. Il-gżejjer Mediterranji reġgħu ħadu l-forma tagħhom simili jew b'xi differenzi bħal ma huma llum hekk kif is-silġ mad-dinja kollha beda jdub għall-aħħar darba madwar 12,000 sena ilu u aktar.


Attività Vulkanika u Siżmika

Matul il-miljuni tas-snin seħħet kemm-il darba attività vulkanika f'diversi partijiet tal-Mediterran li effettwat kemm l-ambjent tal-madwar kif ukoll in-nies li jgħixu qrib l-avveniment naturali. Wieħed minn dawn l-avvenimenti katastrofiċi kienet l-isplużjoni / eruzzjoni tal-vulkan Tera, gżira qrib il-Greċja fejn illum hemm Santorini, fil-Baħar Eġew. Din l-isplużjoni seħħet madwar 1,700 / 1,600 sena Q.K.. Din l-isplużżjoni kkawżat tsunami kbir li xi esperti jaħsbu li qered iċ-ċiviltà ta' Minoa fil-gżira u l-madwar ta' Kreta. Il-Vesuvju huwa vulkan ieħor li jissemma matul l-istorja għall-erruzzjoni vjolenti tal-lava. Fis-sena 79 W.K. dan il-vulkan żbroffa b'qawwa enormi u qatel popolazzjoni sħiħa li kienet tgħix fil-qrib. L-istess materjal li ħareġ mill-vulkan iddistruġġa u għatta l-bliet Rumani ta ’Pompei u Erkulanu. Il-vulkani Etna u Stromboli huma aktar attivi u ta' spiss l-attenzjoni taqa' fuqhom kull meta tkun ħierġa l-lava minnhom għax din teffettwa mhux biss l-ambjent tal-madwar iżda anki tqanqal biża' fin-nies li jgħixu fil-villaġġi qrib. Il-Mediterran kontinwament jirreġistra attivitàjiet sismiċi li xi kultant ikunu ta' qawwa li tiddistruġġi l-ambjent tal-madwar u anki tipperikola l-ħajja tal-abitanti. Dawn it-terrimoti huma l-effet taċ-ċaqliq tal-blat taħt wiċċ l-art fir-reġjun.


Il-Baħar tal-Mediterran

Billi l-baħar fil-baċin tal-Mediterran hu magħluq kważi minn kull naħa, il-ġeografija tal-kontinenti kemm tal-Afrika kif ukoll tal-Ewropa taffettwa l-kundizzjonijiet u l-karatteristiċi tiegħu li jagħmluh differenti minn oċeani oħra. Pereżempju, il-baħar mhuwiex daqstant effettwat mill-marea, li għalkemm iseħħu kontinwament biss huma insinjifikanti, ħlief għal golf ta' Venezja. Il-Mediterran huwa magħruf għall-kulur kaħlani skur tiegħu kif ukoll għaċ-ċarezza u l-limpidità.

L-evaporazzjoni taqbeż ħafna l-preċipitazzjoni u t-tnixxija tax-xmajjar fil-Mediterran, fatt li huwa ta' importanza għaċ-ċirkolazzjoni tal-ilma fil-baċir. L-evaporazzjoni hija partikolarment għolja fin-naħa tal-Lvant, u tikkawża il-livell tal-ilma li jonqos, u s-salinità li tiżdied. L-imluħa medja fil-baċin hija 38 PSU f'fond ta' 5m. It-temperatura tal-ilma fl-iktar parti fonda tal-Baħar Mediterran hija 13.2 ° C (55.8 ° F).

L-influss nett tal-ilma mill-Oċean Atlantiku huwa ta' ca. 70,000 m³ / s jew 2.2 × 1012 m3 / a (7.8 × 1013 cu ft / a). Mingħajr dan l-ilma li jidħol mill-Atlantiku, il-livell tal-baħar tal-Baħar Mediterran jaqa' b'rata ta' madwar 1metru fis-sena. Iċ-ċirkolazzjoni tal-ilma fil-Mediterran tista' tiġi attribwita għall-ilmijiet tal-wiċċ li jidħlu mill-Atlantiku mill-Istrett ta' Ġibiltà, kif ukoll għall-ilma ta' salinità baxxa li jidħol fil-Mediterran mill-Baħar l-Iswed u mill-Bosforu. L-ilma tal-Atlantiku li hu ħafna aktar nieqes mill-melħ meta jidħol mal-kurrent fil-Mediterran jiċċirkola f'direzzjoni len il-Lvant min-naħa tal-kosta Afrikana sa l-Iżrael u mbagħad lura lejn il-Punent tul in-naħa tat-Tramuntana tal-Mediterran. Parti mill-ilma tal-wiċċ ma tgħaddix mill-Istrett ta' Sqallija, iżda tiddevja lejn Korsika qabel ma toħroġ mill-Mediterran. Ix-xejriet taċ-ċirkolazzjoni huma affettwati wkoll minn bosta fatturi oħra - inklużi l-klima, il-batimetrija, il-kimika u t-temperatura tal-ilma - li huma interattivi u jistgħu jaffettwaw l-preċipitazzjoni tal-evaporiti.

Biodiversità

Kemm minħabba ċ-ċaqliq taż-żewġ kontinenti kif ukoll minħabba t-taqlib tal-klimatika li seħħew mal-milja taż-żmien, l-aktar fi żmien u bejn il-Perijodi tas-Silġ (l-Interglacials), bosta pjanti u annimali infirxu jew spustjaw ruħhom b'mod konsiderevoli.

Fi tmiem tal-Perijodu Miocene seħħet bidla fil-klima fil-baċir tal-Mediterran. L-evidenza tal-fossili minn dak il-perijodu turi li l-baċir kellu klima subtropikali umda bix-xita fis-sajf tissostjeni l-foresti tar-rand. Il-bidla għal "klima Mediterranja" seħħet fil-biċċa l-kbira matul l-aħħar tliet miljun sena (l-epoka tal-Pliocene Tardiv) hekk kif naqset ix-xita tas-sajf. Il-foresti subtropikali tar-rand naqsu u l-veġetazzjoni Mediterranja preżenti evolviet, iddominata minn siġar koniferi u siġar u arbuxxelli sklerofilli b'weraq żgħar, iebsin u b'lega bħal xama' li jipprevjenu t-telf ta' umdità fis-sjuf xotti.

Il-bijodiversità fil-Baħar Mediterran hija waħda stabbli minħabba l-kurrenti tal-arja li huma effettwati mill-geografija tal-artijiet ta' madwar il-Mediterran. L-ekosistema stabbli tal-baħar u t-temperatura tal-baħar jipprovdu ambjent nutrittiv biex il-ħajja fil-baħar fond tiffjorixxi filwaqt li tassigura ekosistema akkwatika bilanċjata eskluża minn kwalunkwe fattur tal-Oċean Atlantiku. Huwa stmat li fil-Baħar Mediterran hawn aktar minn 17,000 speċi, b'bijodiversità tal-baħar ġeneralment ogħla f'żoni kostali u fuq l-ixkafef kontinentali.

Il-Baħar Alboran (il-baħar Mediterranju l-aktar qrib il-promonotorju tal-Iberja) huwa żona ta' tranżizzjoni bejn l-Oċean Atlantiku u l-baħar Mediterranju, li fih taħlita ta' speċi Mediterranji u Atlantiċi. Il-Baħar Alboran għandu l-ikbar popolazzjoni ta' delfini magħrufa bħala bottlenose. Din hi ukoll iz-zona ta' harbour porpoises fil-Mediterran. Huwa wkoll l-iktar post ta' tmigħ importanti għall-fkieren tal-baħar (loggerhead sea turtles) fl-Ewropa. Fil-Baħar Alboran isir ħafna sajd kummerċjali importanti, inkluż dak tas-sardin u l-pixxispad. Il-bumerini Mediterranji (monk seals) jgħixu fil-Baħar Eġew, fil-Greċja.

Fl-2003, il-Fond Dinji għall-Ħajja Selvaġġa (World Wildlife Fund) wera tħassib dwar is-sajd li jsir bi kwantità fuq ix-xibka tat-tifrix (drift net) li jipperikola l-popolazzjonijiet tad-delfini, lil-fkieren, u annimali tal-baħar oħrajn bħall-awwista tax-xewka (spiny squat lobster).

Sas-snin tmenin kien hawn popolazzjoni mdaqqsa ta' 'balieni qattiela' (killer whales) fil-Mediterran, li sfaw estinti, probabbilment minħabba l-espożizzjoni fit-tul għall-PCB. Kultant żmien jidhru xi killer whales 'l hawn u 'l hinn.


Kwistjonijiet ambjentali

Matul iż-żmien, ħafna mill-foresti u l-artijiet tal-arbuxxelli ġew mibdula għal kollox kawża tal-eluf ta' snin tal-preżenza umana. Fil-preżent, ftit hemm żoni naturali relattivament mhux minsusa f’dak li qabel kien reġjun ta' imsaġar. Għal 4,000 sena sħaħ, l-attività tal-bniedem ittrasformat il-biċċa l-kbira tal-kosta tal-Ewropa Mediterranja, u l- "umanizzazzjoni tal-pajsaġġ" irduppjat mad-dehra tal-klima Mediterranja preżenti. L-evoluzzjoni storika tal-klima, il-veġetazzjoni u l-pajsaġġ fin-Nofsinhar tal-Ewropa minn żminijiet preistoriċi sal-preżent hija ħafna iktar kumplessa minħabba li għaddiet minn diversi bidliet. Uħud mid-deforestazzjonijiet kienu diġà qed iseħħu matul il-Perijodu Ruman. Filwaqt li fl-era Rumana is-sistema tal-latifundia bdiet teffettwa l-foresti u l-agrikoltura.

Id-diversità ekoloġika wiesgħa tipika tal-Ewropa Mediterranja hija kkwawżata l-aktar minħabba l-preżenza tal-bniedem. Id-diversità agrikola żdiedet bil-firxa u l-interazzjoni tal-agrikoltura lokali u t-trasport u kummerċ. Fil-ħamsinijiet tas-seklu għoxrin popolazzjonijiet sħaħ rurali fil-Mediterran abbandunaw l-agrikoltura. Minflok, mal-industrija tal-manifattura daħlet ukoll l-industrija tat-turiżmu li bidlet wiċċ il-fiżjonomija ta' parti kbira mill-kosta tal-Ewropa tan-Nofsinhar kif ukoll parti mill-Kosta tat-Tramuntana tal-Afrika.Terremoti, attivitajiet vulkaniċi, tsunamis nirien fil-foresti li jniġġsu l-baħar huma wkoll perikli li ta' spiss huma ta' theddida lil-ambjent Mediterranju.

Il-popli tal-Mediterran

Il-popli li huma nattivi u li ilhom jgħixu madwar il-Mediterran għal dawn l-aħħar eluf tas-snin huma fil-maġġoranza tagħhom ta' razza Kawkasa. Biss kulturalment, l-istess popli jkopru firxa vasta ta' kulturali, waħda diversi mill-oħra. Mill-bidu tal-Perjodu Neolitiku t-tixrid tal-popli madwar il-litoral Mediterranju kienet stabbilit ruħha bħala ħajja sedentarja, billi l-attività prinċipali kienet tiffoka fuq l-agrikoltura li ħadet post il-kaċċa u l-ġbir tal-pjanti slavaġġ. Gruppi oħra madankollu, kienu u għadhom sal-lum nomadi jew jipprattikaw transumanza. Bosta minn dawn il-gruppi ta' nies kienu mifruda minn xulxin minħabba il-ġeografija fiżika, bħal ma huma, il-muntanji, id-deżert, u l-baħar. Biss, dan tal-aħħar dejjem kien ippreferut biex wieħed jasal b'mod l-aktar mod faċli. Dan għaliex, il-baħar filwaqt li għandu l-perikli tiegħu, biss qatt ma jimblokka it-triq li wieħed irid jaqsam. Għaldaqstant, il-Baħar Mediterran, filwaqt li jifred gruppi ta' popli u kulturi minn xulxin, jgħin biex jiffaċilita il-kummerċ u l-kumikazzjoni kulturali bejn il-popli tar-reġjun.

Il-pajjiżi tal-Mediterran

L-antenati tal-popli tal-Mediterran kienu diversi. Tribujiet minn diversi partijiet tal-Ewropa, l-Afrika ta' Fuq u oħrajn mil-Lvant Nofsani qarrbu lejn il-kosta Mediterranja fi żminijiet diversi, matul il-medda ta' eluf ta' snin. Imbagħad, meta dawn ideċidew li jaħdmu l-art bħala mezz ta' għixien u saru sedentarji, bdew jiffurmaw bliet u rħula li fihom setgħu jikkontrollaw u jikkmandaw dak kollu li kien jiġri madwarhom. Minħabba dan iċ-ċaqliq u invażjonijiet ta' popli wieħed fuq l-ieħor, saru ħafna gwerer, sakemm finalment ġew stabbiliti konfini kemm imaġinarji kif ukoll fiżiċi bis-saħħa tal-ambjent naturali. Biex nagħtu eżempju, waqt li Malta illum hi indipendenti wara ħafna eluf ta' snin maħkuma minn qawwiet u nazzjonijiet barranin, Ċipru pajjiż indipendenti mill-Greċja għandu parti minnu,dik tal-Lvant miżmuma bħala art taċ-Ċiprijotti Torok, għax dawn tal-aħħar jsostnihom il-gvern Tork. Fl-Afrika ta' Fuq, bosta mil-linji imaġinarji li jservu ta' fruntieri li jifirdu pajjiż minn ieħor saru fl-aħħar seklu u ddeċidewhom potenzi oħra barranin.

Madwar il-Mediterran, illum, hemm għoxrin stat li għandhom kosta li tmiss mal-baħar. Dan in-numru qed jeskludi l-Istat Palestinjan kif ukoll it-territorju Ingliż ta' Ġibiltà. Il-Portugall, għalkemm meqjus bħala pajjiż Mediterranju m'għandux kosta li tmiss mal-Mediterran. Intant meta wieħed isemmi l-klima Mediterranja ikun qiegħed jirriferi għall-reġġjun partikulari, l-aktar fejn tikber b'mod naturali s-siġra taż-żebbuġ. Hekk allura insibu li fil-muntanji għoljin tal-Italja għaliex dawn ma għandhomx klima tipika Mediterranja minħabba l-altitudni tagħhom, fihom ma tikbirx din is-sigra.

Lista ta' Pajjiżi Mediterranji

Din hi l-lista ta' dawk l-istati tal-Mediterran li għandhom il-kosta tmiss mal-Baħar Mediterran. Dawn huma ppreżentati wieħed wara l-ieħor, bħal kif idur l-arloġġ:

Spanja, Franza, Monako, l-Italja, is-Slovenja, il-Kroazja, il-Bosnja u Ħerzegovina, il-Montenegro, l-Albanija, il-Greċja, it-Turkija, is-Sirja, il-Libanu, l-Iżrael, l-Eġittu, il-Libja, it-Tuneżija, l-Alġerija u l-Marokk; Malta u Ċipru huma l-uniċi żewġ stati gżejjer. Barra minn hekk, il-Medda ta 'Gaża u t-territorji Brittaniċi barranin ta' Ġibiltà, u Akrotiri u Dhekelia huma bażijiet Ingliżi sovrana f'Ċipru, għandhom ukoll kosta fuq il-baħar. Bosta huma dawk il-pajjiżi li għandhom aktar minn gruppp etniku wieħed.

Kontribut storiku

[immodifika | immodifika s-sors]

Għalkemm il-Mediterran jaqsam u jifred in-naħa tal-Punent min-naħa tal-Lvant tal-Mediterran, kif ukoll il-kosta ta' Fuq minn dik ta' Isfel (l-Afrika ta' fuq), dan l-istess baħar storikament għaqqad miljuni ta' nies minn kull naħa għax iffaċilita l-ivvjaġġar, għax il-baħar hu bosta drabi eħfef li taqsam minn fuqu milli tivvjaġġa fuq l-art li hija muntanjuża u mifruda bi xmajjar.

Hekk, daqs 750 Q. K. il-Feniċi bdew jaqsmu dan il-baħar biex jikkumerċjaw it-tessili li kienu jipproduċu mal-fidda ta' Spanja. Matul l-era klassika, Kartaġni, il-Greċja, l-Etruski, u Ruma lkoll għamlu kemm felħu biex jieħdu l-kontroll tal-pajjiżi u r-rotot ta' dan ir-reġjun. Iktar tard il-Mediterran kien taħt bosta dominji, fosthom dak, Biżantin, Għarbi, Spanjol, Ottoman, Franċiż, Ingliż, u tal-flotta Amerikana.

Gżejjer prinċipali

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-gżejjer prinċipali huma:

Pajjiżi li jiffurmaw ix-xatt tal-Mediterran

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-pajjiżi li jmissu mall-Mediterran huma:

Ibħra interni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Baħar Mediterran huwa magħmul minn dawn l-ibħra interni:


Bibliografija


Attenborough David, The First Eden, The Mediterranean World and Man. Fontana / Collins. 1987.


Holoq relatati fuq l-internet

The Mediterranean Sea / Facts / History / Islands and Countries https://www.britannica.com/place/Mediterranean-Sea

'The Mediterranean Region', https://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/biogeog_regions/mediterranean/index_en.htm

'The Mediterranean Region - a Geological Primer' https://www.researchgate.net/publication/237502816_The_Mediterranean_region-_A_geological_primer

'The Messinian Salinity Crisis', https://www2.atmos.umd.edu/~dankd/MessinianWeb/_private/HOME.htm

'The Mediterranean Marine and Coastal Environment', https://www.medqsr.org/mediterranean-marine-and-coastal-environment

'What is a Mediterranean Climate?' https://www.mediterraneangardensociety.org/climate.html

'Geography of the Mediterranean Region', https://www.coreknowledge.org/wp-content/uploads/2018/03/CKHG_G6_U2_AncientGreeceRome_WTNK_C01_GeographyOfTheMediterranean_AboutCity-States.pdf