Attakki tal-11 ta' Settembru
L-attakki tal-11 ta' Settembru (imsejħin fil-qasir "9/11"), kienu serje ta' erba' attakki suwiċidi koordinati immirati lejn siti speċifiċi fil-belt ta' New York u f'Washington, l-Istati Uniti, nhar il-11 ta' Settembru, 2001.
F'dik il-għodwa, 19-il terrorista mill-grupp Iżlamiku militanti al-Qaeda ħatfu erba' ajruplani tal-passiġġieri fi triqithom lejn San Francisco u Los Angeles wara li dawn telqu minn Boston, Newark, u Washington. Il-pirati tal-ajru kraxxjaw intenzjonalment żewġ ajruplani fit-Twin Towers tal-World Trade Center fil-belt ta' New York. Fid-8:46 a.m., American Airlines Flight 11 daħal fin-North Tower u fid-9:03 a.m. United Airlines Flight 175 daħal fis-South Tower; iż-żewġ torrijiet waqgħu wara sagħtejn. Il-pirati tal-ajru kraxxjaw it-tielet ajruplan American Airlines Flight 77 fid-9:37 a.m. fil-Pentagon f'Arlington, Virginia. Meta l-passiġġieri ppruvaw jieħdu kontroll tar-raba' ajruplan, United Airlines Flight 93, dan ikkraxxja fl-10:03 a.m. f'għalqa qrib Shanksville, Pennsylvania, u hekk ma tħallix jasal għall-mira tiegħu f'Washington, probabilment il-Capitol jew il-White House. Mietu kważi 3,000 ruħ f'dawn l-attakki.
Is-suspetti mill-ewwel waqgħu fuq al-Qaeda, u fl-2004, il-mexxej tal-grupp Osama bin Laden, li fil-bidu ċaħad l-involviment tiegħu, ħa r-responsabbiltà għall-attakki. Al-Qaeda u Bin Laden qalu li l-attakki saru minħabba l-appoġġ Amerikan lill-Israel, il-preżenza tat-truppi Amerikani fl-Arabja Sawdija, u s-sanzjonijiet kontra l-Iraq. L-Istati Uniti wieġbu għall-attakki tal-11 ta' Settembru bil-War on Terror, meta invading l-Afganistan biex ineħħu t-Taliban, li kienu qed jaħbu għandhom lill-membri tal-Al-Qaeda. Ħafna pajjiżi ħarrxu l-liġijiet tagħhom kontra t-terroriżmu. F'Mejju 2011, Bin Laden instab u nqatel.
Kronoloġija tal-ġrajjiet
8.46 a.m. Titjira 11, ajruplan Amerikan maħtuf tal-American Airlines Boeing 767 bi 92 passiġġier u l-crew, minn Boston Logan International Airport għal Los Angeles, jidħol fin-North Tower tal-World Trade Centre. L-ajruplan faqa’ t-torri fis-sulari 94 sa 98, imma l-kumplament tat-torri ma sofriex ħsarat immedjati.
9.03 Titjira 175, Boeing 767 tal-United Airlines maħtuf b’65 passiġġier u l-crew minn Boston Logan International Airport għal Los Angeles, jolqot is-South Tower tal-World Trade Centre. Bl-impatt fis-sulari 78 sa 84, l-ajruplan sar fjamma waħda u qered diversi kolonni strutturali fit-torri li, iżda, ma krollax immedjatament. Dħaħen ħerġin minn diversi sulari tan-North Tower. Hekk kif id-dħaħen kbar bdew jinfirxu ’l isfel f’diversi sulari, ammont kbir ta’ nies bdew jippreferu jaqbżu mit-twieqi tal-uffiċċji tagħhom għal isfel.
9.40 Titjira 77, Boeing 757 tal-American Airlines b’64 passiġġier u l-crew minn Dulles International Airport għal Los Angeles, jikkraxxja fuq il-Pentagon u joqtol madwar 189 membru tal-militar u impjegati ċivili li kienu fil-bini.
9.45 Il-bini governattiv kollu fi New York evakwat. L-ajruporti kollha Amerikani jingħalqu mill-awtoritajiet. Titjiriet internazzjonali jiġu kanċellati jew devjati lejn il-Kanada u l-Karibew. Il-Borża ta’ New York tingħalaq.
9.50 Telefonata thedded li “issa jmiss Air Force One” il-President Bush ma jitħalliex jirritorna fil-kapitali tas-Servizz Sigriet minħabba t-‘theddida reali’.
10.05 Is-South Tower tal-World Trade Centre jiġġarraf u joqtol ħafna minn dawk li kienu salvaw fl-attakk inizjali fuq il-bini u madwar 420 membru tas-servizzi ta’ emerġenza. It-torri kollu kkrolla f’għaxar sekondi.
10.10 Titjira 93, Boeing 757 tal-United Airlines, maħtuf b’45 passiġġier u l-crew minn Newark International Airport għal San Francisco, jikkraxxja 130 kilometru minn Pittsburgh fil-Lvant ta’ Pennsylvania, wara konfront bejn il-hijackers u xi passiġġieri.
10.28 In-North Tower tal-World Trade Centre jiġġarraf. Dan għaliex peress li l-ajruplan daħal u ġarraf is-sulari ta’ fuq, il-bini mġarraf beda nieżel fuq is-sulari ta’ taħt, li ma felħux għall-piż u sular beda jwaqqa’ lill-ieħor ta’ taħtu sakemm il-bini waqa’ kollu.
17.20 Il-bini numru 7 tal-World Trade Centre, b’47 sular biswit it-tifrik tat-twin towers, jiġġarraf ukoll. Dan minkejja li dan il-bini ma kienx milqut minn xi ajruplan misjuq mit-terroristi. Wara snin ta’ investigazzjoni dwar x’wassal għal dan il-kollass, in-National Institute of Standards and Technology (NIST) sab li s-sħana tremenda ta’ fuq l-art dgħajfet colonna strutturali ewlenija fil-World Trade Centre Building 7 u konsegwentement, il-bini, wara seba’ sigħat, ċeda.
Jumejn wara l-attakk terroristiku, ħaddiema tas-salvataġġ kienu għadhom ifittxu qalb il-fdalijiet tal-World Trade Centre bit-tama li jsibu persuni ħajjin.
19.00 Il-President Bush jirritorna f’Washington DC minn Florida.
20.30 Il-President Bush jindirizza lill-poplu Amerikan f’xandira televiżiva mill-White House.
Fatti u Figuri
- Fi New York, it-twaqqigħ taż-żewġ torrijiet tal-WTC ħalla 2,996 vittma.
- Minn dawn 1,102 biss kienu identifikati.
- Instabu 289 katavru intatt.
- L-età tal-ikbar numru ta’ vittmi kienet bejn 35 u 39 sena.
- Fost il-vittmi kien hemm 343 membru tal-korp tat-tifi tan-nar ta’ New York. Anqas minn nofshom instabu.
- Kien hemm ukoll 70 uffiċjal tal-Pulizija minn diversi dipartimenti, fosthom 30 mill-Awtorità Portwali ta’ New York.
- Il-vittmi jinkludu 189 persuna li mietu f’Washington meta ajruplan ċivili twaqqa’ fuq il-Pentagon u 44 persuna oħra li kienu fuq ir-raba’ ajruplan.
- 60 kumpanija differenti fil-World Trade Centre tilfu impjegati minn tagħhom.
- In-nar fil-bini taż-żewġ torrijiet dam jaqbad wieħed 56 u l-ieħor 102 minuti.
- Numru ta’ boroż tad-demm li ngħataw liċ-Ċentru ta’ Trasfużjoni tad-Demm fi New York: 36,000.
- In-numru ta’ tfal li tilfu wieħed mill-ġenituri tagħhom jaqbeż it-3,100.
- It-tbassir kien li b’kollox se tgħaddi madwar sena biex Ground Zero jitbattal għal kollox mid-debris li kien hemm wara l-waqgħa taż- żewġ torrijiet u xi bini ieħor fil-qrib. Iżda fil-fatt din il- ħidma, li bdiet bħala waħda ta’ salvataġġ u li maż-żmien inbidlet f’waħda ta’ tindif, damet anqas. Infatti tlestiet fi tmien xhur u 19-il ġurnata.
- B’kollox minn Ground Zero, li hi zona ta’ madwar 16 ettaru, inħarġu 108,342 trakk ta’ debris. L-aħħar wieħed ħareġ fit-30 ta’ Mejju tal-2002.
World Trade Center
Mibnija fis-snin sebgħin, it-Twin Towers tal-World Trade Centre kienu ddisinjati biex jirreżistu ħruq normali u rwiefen qawwija anki f’livell ta’ uragani. Skont xi rapporti, l-inġiniera tiegħu kienu jemmnu li l-bini kien kapaċi jirreżisti anki l-impatt ta’ Boeing 707, u b’ħabta ġo fih ta’ ajruplan ta’ dan it-tip il-bini ma kienx jikrolla. Imma l-ebda inġinier ma seta’ qatt ikun preparat għal attack vjolenti fil-bini bħal dak meta terroristi ħatfu żewġ ajruplani jets, ħafna ikbar mill-Boeing 707, u tajruhom dirett għal fuq iż-żewġ torrijiet.
It-Twin Towers kienu l-bażi tal-WTC, kienu l-ogħla bini fl-Istati Uniti: 1,350 pied. Kellhom 110 sulari kull wieħed, kellhom 43,000 tieqa, u 99 lift. Kienu msaħħa b'numru ta' ħitan tal-azzar. Kienu ġew jiswew 750 miljun dollaru Amerikan. Kienu l-uffiċju ta' 1200 negozju, li kważi kollha kienu nvoluti f'kummerċ internazzjonali. 50,000 ruħ kienu jaħdmu fihom. 90,000 ruħ kienu jżuruh kuljum. Kienu ilhom mibnijin 25 sena, mill-1976.
Mudell:Link FA Mudell:Link FA Mudell:Link FA Mudell:Link FA Mudell:Link GA Mudell:Link GA Mudell:Link GA Mudell:Link GA