Papa Piju XII
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Papa Piju XII, imwieled Eugenio Maria Giuseppe Pacelli (Ruma, 2 ta' Marzu 1876 – Castel Gandolfo, 9 ta' Ottubru 1958) kien il-260 Papa tal-Knisja Kattolika.
Tfulija
[immodifika | immodifika s-sors]Eugenio kien it-tielet wild ta' Filippo Pacelli (1837-1916), avukat tas-Sacra Rota u Virginia Graziosi (1844-1920). Flimkien ma' ħuh Francesco u ż-żewġ ħutu bniet, Giuseppina u Elisabetta, Eugenio trabba fiċ-ċentru ta' Ruma. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fi skola privata Kattolika, fil-liċeo tal-Istat "Ennio Quirino Visconti" (li kien iddominat minn sentiment anti-Kattoliku), fil-Collegio Capranica, u mill-1894 sal-1899 studja t-teoloġija fl-Università Gregoriana minn fejn ġab id-dottorat fl-1901, meta diġà kien ilu sentejn saċerdot (mill-1899). Fl-1902 ggradwa fil-Liġi għalkemm qatt ma pprattika. Sa minn età ċkejkna Eugenio ħass li kellu l-"vokazzjoni" saċerdotali: fil-ħin ħieles tiegħu kien joqgħod taparsi jqaddes. Sa minn meta kellu 8 snin, Don Giuseppe Lais, xjenzat u astronomu, kellu influwenza kbira fuqu, u għal ħafna snin kellu jkun il-preċettur tiegħu.
Saċerdot
[immodifika | immodifika s-sors]Arċisqof u Nunzju
[immodifika | immodifika s-sors]Segretarju tal-Istat
[immodifika | immodifika s-sors]1939-58: Papat
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1939, fl-istess jum u xahar li fihom twieled: it-2 ta' Marzu, Pacelli kien elett Papa. Huwa kien l-"għażla obbligatorja" għall-ħamsa u sittin kardinal li nġabru fil-konklavi ta’ Frar 1939. Fi żmien fejn id-dinja kienet qed tistenna li tfaqqa’ l-gwerra, il-kardinali riedu xi ħadd li kien midħla sew fit-tradizzjoni tad-diplomazija Vatikana - għalhekk huma għażlu s-Segretarju ta’ l-Istat li kellu Piju XI. Pacelli ħa l-isem ta’ Piju XII.
“ Insejjaħ lili nnifsi Piju. Ħajti kollha kienet taħt il-Papiet li ġabu dan l-isem, imma l-iżjed bħala sinjal ta’ gratitudni lejn Piju XI. ”
It-Tieni Gwerra Dinjija u l-Kwistjoni tal-Lhud
[immodifika | immodifika s-sors]Ġimgħatejn wara l-inkoronazzjoni ta’ Piju XII, Hitler invada ċ-Ċekoslovakkja - pass ’il bogħod minn gwerra dinija. Piju XII għamel minn kollox biex ibiegħed il-gwerra. Jibqa' magħruf id-diskors tiegħu fuq ir-radju tal-24 ta' Awwissu 1939 li fih qal il-frażi li baqgħet simbolu tal-Pontifikat tiegħu: "Xejn ma jintilef bil-paċi; kollox jista' jintilef bil-gwerra". Iżda ġimgħa wara, nhar l-1 ta' Settembru, il-Ġermanja invadiet il-Polonja u jumejn wara, Franza, u l-Ingilterra wieġbu għall-attakk; hekk bdiet it-Tieni Gwerra Dinjija. Papa Pacelli organizza għajnuna lill-popolazzjonijiet milquta u ħoloq l-uffiċċju informazzjoni fuq il-priġunieri u dawk dispersi. Huwa saħansitra issogra ħajtu meta għamilha ta’ intermedjarju bejn l-Alleati u l-moviment ta’ reżistenza fil-Ġermanja, li fl-1940 kien qed jippjana li jqum kontra Hitler.
Meta l-Italja ddikjarat li hi wkoll ser tidħol fil-gwerra, il-Vatikan ġie f’pożizzjoni kritika. Il-Papa għamel ħiltu sabiex iżomm id-dehra ta’ imparzjalità u b’hekk jevita li l-Vatikan jiġi attakkat bħala stat kompliċi mal-Alleati. Għalkemm Piju kellu stmerrija lejn il-Komuniżmu, hu ma wera l-ebda sens ta’ qbil man-Nażi li pinġew l-attakk fuq ir-Russja bħala gwerra qaddisa antikomunista. Madankollu, Piju XII kellu mħabba speċjali lejn il-poplu Ġermaniż u l-kultura tiegħu, u għalhekk hu ħadem sabiex iġib il-paċi li b’xi mod tirrispetta l-interessi leġittimi tiegħu. U meta l-gwerra daret favur l-Alleati, il-Papa beża’ mill-fatt li l-komunisti kienu ser jirbħu, għalhekk hu ħadem sabiex jintlaħaq ftehim li ma jagħtix rebħa totali la lill-Unjoni Sovjetika u lanqas lill-Ġermanja.
Il-Kwistjoni ta' Piju XII u l-Lhud
[immodifika | immodifika s-sors]F'ħajtu u għal xi snin wara mewtu Piju XII kien imfaħħar għal dak kollu li għamel b'riżq il-Lhud. Iżda fl-1963, wara d-dramm teatrali "Il-Vigarju", bdiet polemika fuq Piju XII, akkużat li ma ħadimx biżżejjed biex jiddefendi l-Lhud, sa ġie definit "Il-Papa ta' Hitler". Iżda l-istudjuż Lhudi Pinchas Lapide, li kien ukoll il-konslu ta’ Israel fl-Italja, jgħid li bejn 70% u 90% tad-950,000 Lhud Ewropew li ħarġu ħajjin mill-Olokawst, jafu dan lil inizjattivi Kattoliċi, inkoraġġiti u sostnuti mill-istess Piju XII.
Iżda għaliex Piju XII ma kkundannax pubblikament l-atrocitajiet tan-Nażi fl-Olokawst? Beża’ wisq li ma jibqax newtrali? M’hemmx dubju li l-Papa kien infurmat biżżejjed dwar x’kien qed jiġri. Madankollu hu żamm is-silenzju. Żgur li għal dan kien hemm xi raġuni. Dawn huma xi raġunijiet possibli:
- biża’ ta’ miżuri aktar iebsa min-naħa tan-Nażi jekk hu jipprotesta; kif ġara fl-Olanda meta l-isqfijiet tkellmu kontra d-deportazzjoni tal-Lhud;
- biex tinżamm in-newtralità uffiċjali tal-Vatikan;
- it-theddida li n-Nażi jduru kompletament kontra l-Insara wkolll;
- l-għarfien tal-fatt li xejn mhu ser jikkonvinċi r-ras iebsa ta’ Hitler biex jieqaf mis-“soluzzjoni finali” (jiġifieri dik li joqtol lill-Lhud kollha);
- it-tama li l-Knisja tista’ ssalva iktar Lhud minn wara dahar Hitler milli meta tikkundanna l-Olokawst pubblikament. Fil-fatt f’Ruma biss, ’il fuq minn ħamest elef Lhudi ġew miżmuma f’kunventi u monasteri tal-Vatikan. Pinchas Lapide, jgħid li l-Papa salva madwar 400,000 Lhudi minn mewt żgura.
Madankollu ħafna jibqgħu jsostnu li dawn ir-raġunijiet ma humiex biżżejjed biex jiġġustifikaw is-silenzju ta’ Piju XII quddiem l-Olokawst - bħala vigarju ta’ Kristu hu kien fi dmir li jleħħen l-għajta dgħajfa tal-Lhud u tal-kuxjenza umana tad-dinja kollha. Għalhekk id-dibattitu dwar Piju XII li ma tkellimx kontra n-Nażiżmu u l-antisemitiżmu matul it-Tieni Gwerra Dinija għadu sejjer. L-istoriku Ġiżwita Robert Graham jistqarr li “Fiż-żewġ gwerer, uffiċjali minn diversi pajjiżi riedu li l-Papa jitfa’ il-piż ta’ l-awtorità reliġjuża tiegħu wara l-kawża tagħhom - billi, ngħidu aħna, jikkundanna espressament ċerti atrotiċitajiet ta’ l-għadu u wkoll billi jiddikjara li l-gwerra tagħhom hi waħda ġusta u jiskomunika l-mexxejja ta’ l-għadu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ġudizzju morali dirett (min-naħa tal-Papa) kien ikun qed jaqdi biss fini politiku ta’ propoganda u wkoll ikun qed jikkomprometti l-influenza reliġjuża għall-paċi min-naħa tas-Santa Sede.” Darba Piju XII stqarr ma’ Montini, li iktar ’il quddiem kellu jkun Pawlu VI, għalfejn hu żamm is-silenzju:
“Aħna fid-dmir li nlissnu kliem tan-nar quddiem affarijiet bħal dawn u l-unika ħaġa li żżommna milli nagħmlu dan hu l-fatt li jekk nitkellmu, inkunu qedgħin ngħarrqu aktar il-kundizzjoni ta’ dawn l-imsejkna.”
Fix-xitwa tal-1943 il-Ġermaniżi daħlu fil-Bażilika ta' San Paolo fuori le Mura u arrestaw lil kull min kien refuġjat hemm. Riċentement instab pjan sigriet ta' Hitler li jokkupa l-Vatikan u jarresta lil Piju XII, għax dan skond id-dittatur Nażista kien qed ifixkel il-pjanijiet tal-Ġermanja.
Kien għalhekk li biex jevita li Hitler iżomm priġunier lill-Papa, Piju XII kien hejja ittra ta' riżenja li kellha tintuża f'każ li jinqabad, bi struzzjonijiet li jsiru konklavi għall-għażla ta' Papa ġdid f'Lisbona.
Fl-1943, meta l-Ġermaniżi ordnaw lil-Lhud Rumani jagħtu d-dehbijiet tagħhom biex suppost isalvaw ħajjithom, il-Vatikan ikkontribwixxa 20 kilo mill-50 kilogramma mitluba. Skond ħafna storiċi, il-Ġermaniżi illikwidaw il-ghetto ta' Ruma proprju biex ipattuha lill-Papa Pacelli.
Nhar id-19 ta' Lulju 1943 wara bumbardament qawwi fuq il-kwartier ta' San Lorenzo f'Ruma, Piju XII żar l-inħawi milquta, ħruġ eċċezzjonali tal-Papa mill-Vatikan għal dak iż-żmien.
Nhar l-4 ta' Ġunju 1944, wara l-liberazzjoni, irċieva fil-Vatikan lis-suldati alleati. Il-Ħadd ta' wara folol kbar ta' Rumani imlew Pjazza San Pietru biex isellmu mill-qalb lill-Papa, li kien l-unika awtorità li baqgħet fil-kapitali wara t-8 ta' Settembru.
F’Marzu 1998, il-Kummisjoni għar-Relazzjonijiet Reliġjużi mal-Lhud ippubblikat id-dokument bl-isem ta’ Aħna Niftakru: Riflessjoni fuq ix-Shoah. Il-Vatikan sejjaħ dan id-dokument dwar l-Olokawst bħala att ta’ ndiema, aktar minn apoloġija. Fost l-oħrajn, f’dan id-dokument insibu li żewġ papiet, Piju XI u Piju XII, ikkundannaw ir-razziżmu u l-anti-semitiżmu. Ix-Shoah kien il-frott ta’ reġim modern u pagan, b’għeruq antisemitiċi u li ppersegwita wkoll il-Knisja Kattolika. Id-dokument jgħid li l-Knisja Kattolika stess jisgħobbiha għall-iżbalji li għamlet u tenna l-kundanna għal kull forma ta’ razziżmu u antisemitiżmu. Id-dokument isejjaħ din id-dikjarazzjoni bħala Teshuva, att ta’ ndiema għax il-Kattoliċi illum wirtu l-ilġiem tad-dnubiet li twettqu fix-Shoah.
Enċikliċi
[immodifika | immodifika s-sors]Piju XII kiteb 41 enċiklika u xandar madwar elf messaġġ u diskorsi fuq ir-radju u t-televixin. Kien spiss jindirizza lin-nies tax-xjenza u tal-mediċina.
Bl-enċiklika Mystici Corporis, Piju XII fisser ir-relazzjonijiet spiritwali u viżibbli li jgħaqqdu l-bnedmin mal-Kelma Inkarnata. F’din l-enċiklika hu offra għall-ewwel darba ġabra teoloġika ta’ x’inhi l-Knisja.
Permezz tal-Enċiklika Divino Afflante Spiritu, Piju XII stabbilixxa n-normi duttrinali biex wieħed jistudja l-Iskrittura, filwaqt li saħaq fuq l-importanza u r-rwol tagħha fil-ħajja Nisranija.
Bl-enċiklika Mediator Dei, Piju XII kompla mbotta l-moviment liturġiku, l-iżjed meta kiteb: “L-ogħla element tal-kult divin jeħtieġ li jkun dak interjuri… Inkella r-reliġjon issir sempliċiment formaliżmu, mingħajr tifsira u kontenut”.
Piju XII ta spinta lill-attività missjunarja bl-enċikliċi Evangelii Praecones u Fidei Donum. F’dawn iż-żewġ dokumenti, il-Papa enfasizza d-dmir ta’ kull komunità Nisranija li tħabbar il-Vanġelu lill-ġnus.
Fl-omelija li għamel nhar id-9 ta’ Ottubru, 2008, nhar il-50 anniversarju mill-mewt ta’ Piju XII, Papa Benedittu XVI fisser l-imħabba li dan il-Papa kbir kellu għall-Missjoni:
“ Papa Pacelli kien diġà beda juri din l-imħabba għall-missjonijiet mill-bidu tal-Pontifikat tiegħu, meta f’Ottubru tal-1939 ried personalment jikkonsagra 12-il isqof mill-pajjiżi missjunarji. Dawn kienu jinkludu Indjan, Ċiniż, Ġappuniż, l-ewwel Isqof Afrikan u l-ewwel Isqof mill-Madagascar. ”
Fl-1974, Papa Pawlu VI qal hekk fuq Piju XII:
“ Kien mgħallem, dejjem jistudja u miftuħ għat-triqat moderni tar-riċerka u l-kultura, fil-fedeltà dejjem soda u koerenti tiegħu kemm fil-prinċipji tal-ħsieb uman u anki fid-depożitu li ma jidhirx tal-verità tal-fidi. U taħt dan l-aspett nistgħu nikkunsidrawh bħala prekursur tal-Konċilju Vatikan it-Tieni. ”