Krzemionki
Krzemionki, magħruf ukoll bħala Krzemionki Opatowskie, huwa kumpless Neolitiku u ta’ Żmien il-Bronż Bikri ta’ minjieri taż-żnied għall-estrazzjoni taż-żnied bl-istrixxi tal-Ġurassiku Superjuri, li jinsabu xi tmien kilometri fil-Grigal tal-belt ta’ Ostrowiec Świętokrzyski fil-Polonja. Huwa wieħed mill-ikbar kumplessi magħrufa ta’ minjiera taż-żnied preistoriċi fl-Ewropa flimkien ma’ Grimes Graves fl-Ingilterra u Spiennes fil-Belġju.[1]
Ix-xogħol fil-minjieri taż-żnied f’Krzemionki beda għall-ħabta tat-3900 Q.K. u dam sa xi l-1600 Q.K. Fin-Neolitiku, il-minjieri kienu jintużaw mill-membri tal-kultura ta’ Funnelbeaker li kienu jifirxu ż-żona tal-minjieri taż-żnied sa 300 km bogħod. Il-Kultura tal-Anfori Globulari kienet tuża wkoll il-barrieri u b’iktar intensità, biex b’hekk l-esplorazzjoni kienet issir sa 500 km bogħod.
Is-sit ġie ddeżinjat bħala monument storiku Pollakk fis-16 ta’ Ottubru 1994 u jiġi ġestit mill-Bord tal-Wirt Nazzjonali tal-Polonja. Fis-6 ta’ Lulju 2019, ir-Reġjun tal-Minjieri Preistoriċi taż-Żnied bl-Istrixxi ta’ Krzemionki ġie mniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[2][3]
Storja tal-minjieri taż-żnied
[immodifika | immodifika s-sors]Iż-żona tal-minjieri hija twila 4.5 km u wiesgħa 25 sa 180 metru, u tkopri żona ta’ 78.5 ettaru. Hemm iktar minn 4,000 xaft tal-minjieri li huma magħrufa b’fond sa disa’ metri u bi bjar li għandhom dijametru ta’ bejn erba’ u tnax-il metru. Uħud mix-xaftijiet huma konnessi b’passaġġ orizzontali qasir li jagħti aċċess jew li jintuża għad-drenaġġ. Dawn il-passaġġi għandhom għoli ta’ bejn 55 u 120 cm u jkopru żona ta’ madwar 4.5 km.[4] F’waħda mill-minjieri taż-żnied hemm għamla ta’ arti preistorika mpinġija mal-ħajt li tirrappreżenta uħud minn dawn il-passaġġi.[5]
Iż-żnied f’Krzemionki ilu jiġu sfruttat mir-raba’ millenju sa nofs it-tieni millenju Q.K. (3000-1600 Q.K.) mill-poplu tal-Kulturi taċ-Ċeramika bi Strixxi Lineari, tal-Anfori Globulari u ta’ Mierzanowice li ħaffru għaż-żnied l-iktar b’għodod preistoriċi bħal mannarini. Iż-żnied bl-istrixxi minn Krzemionki kien jintuża l-iktar għall-manifattura tal-mannari u tal-iskarpelli. Kwantitajiet kbar ta’ dawn l-għodod kienu jiġu kkummerċjalizzati sa xi 660 km bogħod mill-minjieri ta’ Krzemionki. Il-perjodu prinċipali tal-isfruttament tal-minjieri kien bejn l-2500 u l-2000 Q.K. Ix-xogħol fil-minjieri taż-żnied beda jmajna lejn l-1800 u l-1600 Q.K.[4]
Fis-sekli ta’ wara, id-distrett tal-minjieri taż-żnied ta’ Krzemionki kien jintuża sporadikament biss. Il-villaġġ qrib il-minjieri ssemma għall-ewwel darba storikament fl-1509, u kien proprjetà ta’ raġel jismu Jakub minn Szydłowiec. Id-diversi barrieri tal-ġebla tal-ġir fiż-żona kienu jintużaw għall-produzzjoni tal-ġebla tal-ġir matul l-ewwel nofs tas-seklu 20.[4]
Investigazzjonijiet xjentifiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Il-minjieri ġew skoperti fl-1922 mill-ġeologu Jan Samsonowicz. L-investigazzjonijiet arkeoloġiċi mmexxija mill-arkeologu Stefan Krukowski bdew fl-1923. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-kap tat-tim xjentifiku kien Tadeusz Żurowski li esplora l-minjieri ta’ Krzemionki, speċjalment bejn l-1958 u l-1961. Il-minjieri ta’ Krzemionki ġew iddeżinjati bħala riżerva arkeoloġika fl-1967 u fl-1995 ġew iddeżinjati bħala riżerva naturali wkoll.[5]
Turiżmu
[immodifika | immodifika s-sors]Il-minjieri taż-żnied ta’ Krzemionki nfetħu għal gruppi żgħar ta’ turisti mill-aħħar tas-snin 50 tas-seklu 20. Fil-11 ta’ Ġunju 1985, il-minjieri taż-żnied infetħu għat-turiżmu fuq skala kbira u ġiet stabbilita rotta turistika taħt l-art imsejħa r-Rotta Turistika Nru 1. Fl-10 ta’ Ġunju 1990, infetħet it-tieni rotta turistika taħt l-art, filwaqt li fl-1992 infetaħ mużew arkeoloġiku fil-beraħ.[6] Ir-rotot turistiċi taħt l-art huma twal 465 metru u jilħqu fond massimu ta’ 11.5-il metru.[7]
Sit ta’ Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-Reġjun tal-Minjieri Preistoriċi taż-Żnied bl-Istrixxi ta’ Krzemionki ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2019.[3]
Is-sit jinkludi żona ta’ lqugħ kbira madwar erba’ siti ewlenin: iż-żona tal-minjieri taż-żnied ta’ Krzemionki Opatowskie (l-unika sit minnhom l-erbgħa li miftuħ għall-pubbliku, peress li l-oħrajn għadhom qed jiġu skavati), iż-żona tal-minjieri taż-żnied ta’ Borownia, iż-żona tal-minjieri taż-żnied ta’ Korycizna, u l-insedjament preistoriku ta’ Gawroniec.[8]
Il-valur universali straordinarju tas-Sit ta’ Wirt Dinji ġie rrikonoxxut abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”.[3]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Sałaciński S. & Zalewski M., 1987: Krzemionki. Wydawnictwa Geologiczne, p. 9.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Seven more cultural sites added to UNESCO's World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-24.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Krzemionki Prehistoric Striped Flint Mining Region". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-24.
- ^ a b ċ "Krzemionki | Archaeological Museum and Reserve "Krzemionki"". krzemionki.pl (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-24.
- ^ a b Sałaciński S. & Zalewski M., 1987: Krzemionki. Wydawnictwa Geologiczne.
- ^ "Opening hours | Archaeological Museum and Reserve "Krzemionki"". krzemionki.pl. Miġbur 2021-03-24.
- ^ "Collection | Archaeological Museum and Reserve "Krzemionki"". krzemionki.pl. Miġbur 2021-03-24.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Krzemionki Prehistoric Striped Flint Mining Region". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-24.