Multilingwiżmu
Il-Multilingwiżmu min-naħa waħda jfisser il-ħila ta' persuna li titkellem aktar minn lingwa waħda. Min-naħa l-oħra, dan it-terminu jfisser il-validità jew l-użu mifrux ta' għadd ta' lingwi f'soċjetà, stat jew reġun lingwistiku.
It-terminu
immodifikaIl-multilingwiżmu jista' jfisser:
- Il-ħila ta' persuna li titkellem aktar minn lingwa waħda (multilingwiżmu).
- Il-validità jew l-użu mifrux ta' għadd ta' lingwi f'soċjetà, żona tal-lingwa jew pajjiż (poliglossija).
- L-użu ta' għadd ta' lingwi sabiex jagħmlu l-informazzjoni aċċessibbli għall-akbar numru possibbli ta' individwi ta' diversi lingwi, bħal fuq sinjali, tabelli, tikketti tal-prodotti, fil-manwali kif ukoll fuq is-siti tal-web jew programmi tal-kompjuter.
It-termini mhumiex dejjem distinti minn xulxin b'mod ċar fl-użu ta' kuljum, però f'dixxiplini xjentifiċi huma definiti preċiżament u bħala reċiprokament esklussivi. Persuna li taf titkellem b'diversi lingwi, tissejjaħ poliglotta .
Tipi ta' akkwist
immodifika- Akkwist simultanju iseħħ meta, pereżempju, it-tfal jitgħallmu għad ta' lingwi b'mod naturali simultanjament.
- Akkwisti suċċessivi jfisser li l-lingwi differenti il-persuna titgħallimhom fi żminijiet differenti.
- Akkwist naturali jfisser li lingwa l-persuna titgħallimha mingħajr istruzzjoni formali.
- Akkwist ikkontrollat ifisser li l-persuna titgħallem il-lingwa permezz ta' lezzjonijiet apposta.
- Akkwist ibbilanċjat ifisser li l-għadd ta' lingwi huma kkontrollati bl-istess mod.
- Akkwist asimmetriku ifisser li lingwa tiddomina oħra.
Tipi ta' multilingwiżmu
immodifikaIl-multilingwiżmu individwali
immodifikaIl-multilingwiżmu individwali jirriferi għal meta persuna tuża diversi lingwi regolarment fil-ħajja ta' kuljum. Il-persuna tkun tista' taqleb minn lingwa għal oħra, jekk ikollha bżonn pereżempju biex titħaddet ma' ta' madwarha. Jiġifieri l-persuna tkun tista' tikkomunika b'għadd ta' lingwi fil-ħajja ta' kuljum, peress li tkun ħakmet kull lingwa perfettament. Il- multilingwiżmu ta' persuna tista' tirriżulta minn proċessi differenti ta' tagħlim u tiddependi minn ħafna fatturi esterni u interni, bħall-età, il-post, it-tip, u ċ-ċirkostanzi li fihom tinsab il-persuna, kif ukoll il-motivazzjoni tal-persuna li qiegħda titgħallem.
Kif il-persuna tikseb dawn il-lingwi jista' jvarja ħafna. Tista' titgħallem il-lingwi fl-istess ħin bħal meta ż-żewġ ġenituri jitkellmu lingwi differenti jew wara xulxin bħal meta t-tifel jew tifla jitgħallmu l-ewwel il-lingwa nattiva tagħhom u wara jitgħallmu lingwa oħra l-iskola. L-akkwist jista' jsir bla gwida pereżempju fil-kuntest ta' komunikazzjoni ta' kuljum jew jista' jkun ikkontrollat, pereżempju permezz ta' lezzjonijiet . Wieħed jista' wkoll jiddistingwi bejn multilingwiżmu simmetriku u asimmetriku. Fl-ewwel każ wieħed ikun tal-istess livell fil-lingwi li jitkellem waqt li fil-każ ta' asimmetrija wieħed ikollu ħakma ta' lingwa (jew xi lingi) iżjed minn tal-oħrajn.
Il-multilingwiżmu individwali għandha ħafna kawżi; pereżempju, l-għixien fiż-żoni tal-fruntiera tal-lingwi f'reġjuni lingwistikament imħallta, l-għixien flimkien u ż-żwieġ ma' sieħeb jew sieħba li titkellem lingwa barranija, aċċess għall-Edukazzjoni Għolja, sħubija f'reliġjon, eċċ (Yilmaz, 2004).
Multilingwiżmu territorjali
immodifikaIl-multilingwiżmu territorjali jirriferi għall-preżenza simultanja ta' għadd ta' lingwi f'territorju wieħed.
Multilingwiżmu soċjetali
immodifikaIl-Multilingwiżmu soċjetali jirreferi għal meta jkun hemm interpenetrazzjoni tal-komunitajiet tal-lingwa. F'dan il-każ individwi jagħmlu użu minn aktar minn lingwa waħda fil-ħajja ta' kuljum. Dan jiġri, pereżempju meta l-fruntieri tar-reġjuni lingwistiċi ma jkunux riġidi.
Multilingwiżmu istituzzjonali
immodifikaJkun hemm multilingwiżmu istituzzjonali meta istituzzjoni jkollha għadd ta' lingwi uffiċjali. Fl-Iżvizzera, pereżempju, is-servizzi pubbliċi nazzjonali u kantonali jiġu pprovduti f'għadd ta' lingwi differenti u t-tiketti fuq l-ikel huma miktuba bi tliet lingwi.
Diglossja
immodifikaL-użu tal-lingwa hu mifrux fuq diversi oqsma, pereżempju wieħed jista' jitkellem fuq ix-xogħol b'mod differenti minn mal-familja u ħbieb, fuq ix-xogħol b'xi lingwa standard u d-dar b'djalett tal-istess lingwa. Din tissejjaħ diglossja. Dan it-terminu jintuża wkoll anki jekk iż-żewġ lingwi ma jkollomhomx l-istess bażi, bħal meta immigrant juża l-lingwa nattiva tiegħu spiss.
Kawżi
immodifikaHemm diversi kawżi għal multilingwiżmu. Fil-parti l-kbira dawn huma ta' natura politika u storika.
Il-kolonizzazzjoni
immodifikaWaħda mill-kawżi l-iktar importanti hi l-espansjoni ta' pajjiż bil-kolonizzazzjoni. "F'konkwista territorjali il-pajjiż rebbieħ iġġib miegħu il-lingwa tiegħu fil-pajjiż mirbuħ u jdaħħalha hemm bil-forza." ( Roos, 2005, p.5). Dan pereżempju ġara fil-konkwisti kolonjali Brittaniċi u Franċiżi fl-Afrika. Għalkemm issa li-pajjiżi konkwisti m'għadhomx kolonji aktar, madankollu l-Ingliż u l-Franċiż huma stabbiliti u saru il-lingwi uffiċjali ta' dawk il-pajjiżi. "Għandu jingħad ukoll li l-qsim arbitrarju tal-Afrika mill-potenzi kolonjali kkontribwixxa għall-fatt li l-istati issa hemm fihom għadd ta' gruppi lingwistiċi peress li l-fruntieri statali ma jaqblux mal-konfini tribali fl-intern ta;-istat. Għalhekk, waqt li qabel l-invażjoni kolonjali, kull tribù kellu l-pajjiż u l-lingwa tiegħu, issa l-gruppi lingwistiċi differenti huma mifruxa mad-diversi t-territorji u dan joħloq multilingwiżmu mhux biss bil-kuntatt bejn l-Ingliż u l-Franċiż u l-lingwi indiġeni iżda wkoll bil-kuntatt bejn il-lingwi indiġeni stess." (Roos, 2005, p.5).
Il-migrazzjoni
immodifikaKawża oħra tal-multilingwiżmu hi l-migrazzjoni, nies li jemigraw lejn pajjiż fejn jingħaqdu ma' minoranza lingwistika. Sabiex jiġu integrati f'dan il-pajjiż, spiss jeħtieġ li l-immigranti jitgħallmu l-lingwa tal-pajjiż li tkun barranija għalihom.
Unifikazzjoni politika tat-territorju
immodifikaIt-tielet kawża tal-ħolqien tal-multilingwiżmu hi l-unifikazzjoni politika ta' territorju. Sikwit grupp etniku jistabillixi lingwa waħda bħala l-lingwa tal-istat biex isaħaħ l-unifikazzjoni tiegħu. Eżempju ta' din is-sitwazzjoni nistgħu narawh fiċ-Ċina. Hemmhekk il-Mandarin hu lingwa statali u universali, madankollu, fiċ-Ċina jeżistu ħafna lingwi oħra.
L-Ewropizzazzjoni u l-globalizzazzjoni
immodifikaBarra minn dawn, l-Ewropizzazzjoni u l-globalizzazzjoni tal-politika u l-ekonomija għandha rwol importanti fl-iżvilupp tal-multilingwiżmu. Qiegħed jidher iżjed u iżjed li l-ħila li wieħed ikun jaf jitkellem b'għadd ta' lingwi, hi ħtieġa bażika fl-edukazzjoni vokazzjonali moderna. "L-abbiltà multilingwi min-naħa taċ-ċittadini tal-pajjiżi Ewropej hi meħtieġa mill-proċessi ta' integrazzjoni fl-Unjoni Ewropea." (Albayrak, 2007, p.7). Dan għandu impatt kbir fuq l-iskejjel, li għandhom l-inkarigu li jħejju t-tfal għall-futur.
Fil-kuntest tal-globalizzazzjoni, il-multilingwiżmu u l-poliglossija qed isiru dejjem aktar kunċetti importanti biex nifhmu ħafna bidliet soċjali:
- Il-pressjoni tal-migrazzjoni globali tippromwovi d-diglossja u poliglossja.
- Għall-migranti li jgħixu f'żona ta' lingwa barranija, il-bilingwiżmu u l-multilingwiżmu huwa importanti għall-aħħar għalihom.
- Il-kompetenza bilingwi u multilingwi qed isir dejjem aktar meħtieġa għal ħafna impjiegi.
- Fin-negozju, fix-xjenza u fit-teknoloġija sikwit jinħolqu "kodiċi" u gergi ġodda minn elementi tal-Ingliż biż-żieda ta' elementi minn lingwi oħra. Dawk li jitkellmu bosta lingwi billi jkunu jafu l- "kodiċi" u l-"gergi" ta' netwerks globali jiksbu benefiċċji informattivi u ekonomiċi. Id-diversità tal-lingwi fis-soċjetajiet eteroġeni hija produttiva kemm ekonomikament kif ukoll mill-aspett kulturali. Għalhekk, il-multilingwiżmu huwa sinjal ta' normalità (ara l-pubblikazzjonijiet ta' SFB Multilingualism, Università ta' Amburgu).
- L-Unjoni Ewropea qed tippromwovi l-multilingwiżmu permezz ta' struttura strateġika ġdida taħt il-kompitu tad-Dipartiment tal-Kummissarju għall-Edukazzjoni.
Il-qlib tal-kodiċi lingwistiku
immodifikaB'reazzjoni għall-globalizzazzjoni jista' jagħmel sens li ninkuraġġixxu t-tagħlim ta' għadd ta' lingwi kmieni fit-tfulija u li ninvestigaw fenomeni speċifiċi bħall-qlib tal-kodiċi lingwistiku. Il-qlib tal-kodiċi hu "l-bidla bejn lingwi differenti minn kelliema bilingwi u/jew multilingwi skont il-ħtiġijiet tas-sitwazzjoni tal-komunikazzjoni" (Bußmann 1990 u Földes 2005, S. 210 ff. "Kode-Umschaltung"). Waqt li qabel dan il-fenomenu kien meqjus minn kulħadd bħala xi ħaġa ħażina, illum xi wħud iqisuh bħala l-ħila tal-kelliema multilingi li jadattaw għal diversi modi ta' kommunikazzjoni bil-kliem (Ara Chilla, Rothweilweiler u Babur).
Multilingwiżmu naturali u mill-iskola
immodifikaIl-multilingwiżmu jista' jinkiseb b'żewġ modi differenti: B'mod mhux ikkontrollat (jew naturali) jew ikkontrollat (permezz tat-tagħlim formali).
- Il-multilingwiżmu mhux ikkontrollat jinkiseb mingħajr ma' wieħed jaħseb u impliċitament il-proċess iseħħ f'ambjent naturali. Il-lingwa l-ġdia tinkiseb permezz tal-kuntatti soċjali ta' kuljum pereżempju fil-logħob mal-ħbieb.
- Fil-multilingwiżmu kkontrollat, il-lingwa l-ġdida tiġi mgħallma konxjament u espliċitament, ut-tagħlim isir fi ħdan xi istituzzjoni bħal iskola (Ribeaud).
Madankollu id-distinzjoni bejn il-ksib ikkontrollat u mhux mhijiex dejjem ċara. Iż-żewġ għażliet huma spiss marbutin flimkien u dan jiddependi mill-pajjiż. Per eżempju, jekk il-klassijiet jinżammu f'pajjiż fejn jitkellmu bil-lingwa X dawk li qegħdin jitgħallmu l-lingwa X ħa jkollhom kuntatt f'ambjent naturali ma' min jitkellem il-lingwa X bħala lingwa nattiva. Il-ksib tal-lingwa jseħħ ukoll b'mod mhux ikkontrollat permezz tas-smigħ u t-taħdit. Dan japplika wkoll għat-tfal migranti. Per eżempju, dawn jitgħallmu l-lingwa tal-pajjiż ospitanti fl-iskola (b'mod ikkontrollat), u fit-taħlit ma' sħabhom (mod mhux ikkontrollat).
Ribeaud tispjega li l-ewwel ksib tal-lingwa hu bla kontroll. It-trabi sa meta jkollhom tliet snin jitgħallmu mill-ġenituri, ħuthom u l-familja, jixorbu l-lingwa qishom sponża. It-tfal jitgħallmu indirettament, bħal meta jisimgħu il-ġenituri jitkellmu mingħajr ma jkunu qegħdin jindirizzawhom.
Niddistingwu żewġ possibilitajiet fil-kisba naturali ta' għadd ta' lingwi. Jekk it-tfal jiksbu t-tieni lingwa fl-istess ħin mal-ewwel lingwa, din ngħidulha akkwist bilingwu tal-ewwel lingwi (sal-età ta' tliet snin). Min-naħa l-oħra t-tfal jistgħu jiksbu lingwa meta jkunu ikbar jew adulti (Riehl 2004).
Il-kisba ta' żewġ lingwi nattivi jew iżjed fl-istess ħin ġeneralment tiġri f'dawn l-ambjenti (Romaine 1995).
- Il-lingwa tal-familja tkun L) u l-lingwa ambjentali tkun L2 (kindergarten, dinja ta' barra);
- Il-familja tkun lingwistikament imħallta (il-missier jitkellem L1, l-omm titkellem L2), u fl-ambjent jitkellmu L1 jew L2;
- Il-familja tkun lingwistikament imħallta (il-missier jitkellem L1, l-omm titkellem L2), u fl-ambjent jitkellmu lingwa differenti L3.
Riehl jispjega l-prinċipju ta' "persuna waħda, lingwa waħda" fil-familji ta' lingwi mħallta. Hawn kull ġenitur ikellem it-tfal bil-lingwa nattiva tiegħu u hekk il-lingwa tkun marbuta ma' persuna speċifika. It-tfal jiddistingwu bejn il-lingwa tal-missier u l-lingwa tal-omm fil-bini tal-lessiku multilingwi. Dan isir diffiċli jekk wieħed mis-sħab ikun jaf lingwa waħda biss, u għalhekk jitħalla barra mill-konverżazzjoni mas-sieħeb l-ieħor. Meta jintuża dan il-prinċipju ta' "persuna waħda, lingwa waħda", it-tfal jitgħallmu kmieni ħafna jitkellmu b'lingwi differenti. Għat-tfal immigranti li fil-familja jitkellmu lingwa waħda u jitrabbew f'ambjent differenti, importanti ħafna li l-ġenituri jitkellmu l-lingwa tagħhom u ma jħalltux il-lingwi.
Fil-każ tal-akkwist mhux ikkontrollat (naturali) tat-tieni lingwa, it-tfal għandhom żewġ modi biex jitgħallmu l-lingwa ġdida. Min-naħa waħda t-tfal jistgħu jiksbu t-tieni lingwa meta jkunu żgħar fl-istess ħin mal-ewwel lingwa. Din isejħulha "kisba bilingwali tal-ewwel lingwi" (sal-età ta' tliet snin). Min-naħa l-oħra, il-lingwa tista' tinkiseb fi stadju aktar tard, minn tfal ikbar minn tliet snin. Però din il-possibbiltà tal-aħħar iġġib ċertu problemi magħha. Meta meta wieħed jitgħallem il-lingwa aktar tard il-ħakma l-aċċent tal-lingwa ma tantx hu possibbli. Għalhekk f'dan il-każ ngħidu li hemm "perjodu kritiku" għall-akkwist ta' għadd ta' lingwi (Riehl, 2004) .
Il-problema fundamentali
immodifikaGħalkemm il-lingwa wieħed jista' jitgħallimha b'immersjoni f'soċjetà b'lingwa differenti, l-akkwist tal-lingwa f'dan il-każ normalment isir f'istituzzjonijiet pereżempju l-iskola. L-istess japplika bil-kontra għall-ewwel lingwa: it-tfal tal-immigranti, dawn l-iskola normalment jitgħallmu biss il-lingwa tal-pajjiż ospitanti bħala lingwa miktuba u l-lingwa nattiva spiss tibqa' biss "lingwa tad-dar". Din taffettwa l-għadd kbir ta' migranti fid-dinja. It-tfal jikbru f'pajjiż b'lingwa differenti u jkunu jafu jiktbu b'dik il-lingwa biss. Il-"multilingwiżmu ibbilanċjat" jinkiseb biss meta wieħed jitgħallem jikteb biż-żewġ lingwi, jiġifier jekk it-tfal imorru skola bilingwi jew b'dik li jsejħulha "edukazzjoni immerssiva" (Riehl, 2004). Fil-każ ta' "edukazzjoni immersiva", l-istudenti "jintefgħu f'banju lingwistku" li fih is-suġġetti l-oħra jiġu mgħallma b'lingwi differenti. Dawn il-programmi ta' immersjoni jistgħu jvarjaw ħafna. "(Riehl, 2004).
Il-vantaġġi tal-multilingwiżmu
immodifikaIt-teoristi jħarsu lejn il-multilingwiżmu minn żewġ perspettivi. Min-naħa tisat' tqisu bħala żvantaġġ għas-soċjetà, u min-naħa l-oħra jipprovdu numru ta' vantaġġi DAR. Hawn niċċaraw il-vantaġġi tal-multilingwiżmu.
Il-ħila komunikattiva
immodifikaVantaġġ ċar tal-multilingwiżmu hu ż-żieda fil-ħila tal-komunikazzjoni soċjali (Reimann, 2009). L-ewwelnett, dan jippromwovi skambju internazzjonali (Roth, 2006) billi nies b'lingwi nattivi differenti u minn pajjiżi differenti xorta jistgħu jifhmu 'l xulxin u jikkomunikaw f'ħafna sitwazzjonijiet. Il-faċiltà ta' komunikazzjoni tiżdied mhux biss 'il barra imma wkoll 'il ġewwa: F'kumpanija l-possibbiltà ta' ftehim tiġi promossa u peress li l-komunikazzjoni bejn il-maġġoranza u l-minoranza ssir possibbli, l-interazzjoni ssir ukoll possibbli u b'dan il-mod, l-integrazzjoni tal-minoranzi fil-parteċipazzjoni fil-kumpanija ssir iżjed faċli (Roth, 2006).
Il-lingwi bħala riżorsi lingwistiċi - il-vantaġġi konjittivi
immodifikaIl-lingwi li wieħed jitkellem, jistgħu jaqduh b'ħafna modi bħala riżors lingwistiku. It-tfal u ż-żgħażagħ li jitrabbew b'għadd ta' lingwi, jidraw minn kmieni il-kuntrast bejn il-lingwi u hekk jistabbilixxu kuxjenza meta-lingwistika. Dan huwa ta' vantaġġ għalihom meta jiġu biex jitgħallmu lingwi ġodda u minnhom strutturi lingwistiċi ġodda (Roth, 2006).
Kif jispjega Riehl (2006), il-vantaġġ tal-multilingwiżmu fit-tagħlim ta' lingwi ġodda mhux qiegħed biss fit-tisfir tal-lingwa, iżda wkoll fl-għarfien metalingwistiku. In-nies multilingwi kif jitgħallmu xi lingwa ġdida mill-ewwel jistgħu jużaw strateġiji lingwistiċi differenti li jieħdu mill-multilingwiżmu tagħhom (bħall-parafrażi u l-code-switching), dawn jiffokaw b'aktar kunfidenza fuq it-testi u jistgħu jagħmlu tfittxija iżjed ristretta għal strutturi u kliem familjari. Jistgħu wkoll jiddeterminaw aħjar il-limiti tal-kliem u jifhmu aħjar ir-regoli grammatiċi, peress li hu aktar probabbli li jagħtu attenzjoni għal dawn l-aspetti min-nies monolingwi (Riehl, 2006).
Studji differenti fir-riċerka tal-moħħ (cf. Franceschini, 2001) juru b'mod ċar li l-multilingwiżmu bikri (mill-età ta' sitt snin) juri vantaġġi konsiderevoli fit-tagħlim ta' lingwi ġodda. Il-lingwi l-oħra jistgħu jiġu konnessi mal-oqsma tal-lingwi eżistenti u b'hekk it-tagħlim isir iżjed faċli (Riehl, 2006). Fi studji iżjed fil-fond fil-psikolinġwistika sabu li hemm konnessjoni distintiva bejn il-konsapevolezza metalingwistika u t-tagħlim tal-qari. Wieħed minn dawn l-istudji (ara Clyne, 2005) wera li t-tfal multilingwi fil-qari jkunu xi ftit xhur 'il quddiem mit-tfal monolingwi.
Aspett prammatiku tal-lingwa
immodifikaIl-multilingwiżmu ġġib miegħu aktar aspetti prammatiċi lingwistiċi. Il-bilingwiżmu u l-multilingwiżmu jiftħu l-moħħ tal-individwu. Dan jirrigwarda parzjalment il-kapaċità li wieħed jifhem kulturi oħra, iżda wkoll l-opportunitajiet edukattivi oħra. Li wieħed ikun jaf jitkellem u jifhem għadd ta' lingwi, għandu ħafna vantaġġi fil-qasam edukattiv u professjonali (Roth, 2006).
Meta jfisser dan aspett prammatiku tal-lingwa Riehl (2006) jitkellem dwar il-"vista differenzjata tad-dinja" tan-nies l-multilinqwi għax dawn jistgħu iħarsu minn "għajnejn lingwi oħra" u hekk jistgħu ikollhom perspettivi oħra u jkunu iżjed flessibbli f'għemilhom.
Id-diffikultajiet tal-multilingwiżmu
immodifikaIl-multilingwiżmu li jirriżulta mill-migrazzjoni huwa spiss meqjus bħala żvantaġġ, u fil-letteratura din l-opinjoni dwar id-diffikultajiet tal-multilingwiżmu nsibuha spiss. Stoelting (1980) isostni li l-multilingwiżmu mhuwiex fin-natura tal-bniedem. Aħna organiżmi monolingwi u kontra n-natura tagħna li nitgħallmu u nitkellmu b'aktar minn lingwi waħda (Ostendoerfer, 2009).
Ħela ta' żmien
immodifikaWaħda mid-diffikultajiet tal-multilingwiżmu huwa l-mod li jwassal għalih. It-tieni jew it-tielet lingwa jiswewlu ħafna ħin lil min jitgħallimhom. Dan jirrappreżenta sforz kbir, li spiss iseħħ akkost ta' attivitajiet oħra u dan jiskuraġġixxi ħafna nies milli jitgħallmu lingwi oħra (Krieger, 2011). Skont il-kuntest li wieħed jagħżel biex jitgħallem, hemm ispejjeż differenti, bħal, fost oħrajn, korsijiet tal-lingwa u kotba biex jgħinu l-proċess tat-tagħlim.
Tnaqqis fl-affintà mal-lingwa
immodifikaMeta inti titgħallem ilsna differenti u titkellimhom, skont Krieger (2011), jidher ċar li l-lingwi jinfluwenzaw lil xulxin. Dan iwassal biex tiddgħajjef l-affinità mal-lingwa, għaliex bniedem multilingwi qatt ma jista' jikkonċentra fuq lingwa waħda mingħajr ma jorjenta ruħu bl-istess mod meta jitkellem jew jikteb bil-lingwi l-oħra. Hemm fatturi oħra li jistgħu jiġu affettwati ħażin mill-multilingwiżmu pereżempju jista' jkun hemm inċertezza fl-espressjoni u ċertu faqar fil-vokabularju. Dan dovut għall-fatt li l-vokabularju u l-grammatika l-ħin kollu jinqalbu minn lingwa għall-oħra f'moħħ min jitkellimhom.
Koeżjoni dgħajfa fis-soċjetà
immodifikaSkont Eichinger (1994) komunità tinżamm flimkien permezz ta', fost oħrajn, il-lingwa ta' kull parteċipant. Allura, fejn jitkellmu b'għadd ta' lingwi, il-komunità mhijiex qawwija daqs grupp ta' nies li jitkellmu b'lingwa waħda biss. F'dan il-każ, l-għaqda tkun aktar qawwija u l-poplu aktar konxju. Madankollu, dan l-aspett negattiv tal-multilingwiżmu irridu nibbalinċjawh mal-fattur pożittiv fl-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-membri ta' soċjetà permezz tal-multilingwiżmu li semmejna iżjed 'il fuq taħt "Il-vantaġġi tal-multilingwiżmu".
Il-multilingwiżmu bħala barriera lingwistika
immodifikaGħal darb'oħra, b'kuntrast mal-vantaġġi tal-multilingwiżmu li ddiskutejna hawn fuq, skont Roth (2006) u Eichinger (1994) il-multilingwiżmu jista' jkun barriera lingwistika għal xi nies. Billi bniedem multilingwi qatt ma jista' jitkellmu bil-lingwi b'ċertezza fissa (għaliex il-lingwi kollha jinfluwenzaw lil xulxin), dan jista' jwassal għall-fatt li ħadd ma jista' jikkomunika b'mod effettiv ma' ħadd ieħor f'soċjetà multilingwi. Rigward il-familji migranti, din iżżommhom lura mill-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni fis-soċjetà.
Biblijografija
immodifika- Yilmaz, A. (2004). Mehrsprachigkeit in der Schweiz. Gewinn oder Nachteil? http://www.sncweb.ch/migration/themen/mehrsprachigkeit.pdf
- Roos, P. (2005). Kriterien zur Beschreibung von Mehrsprachigkeit unter besonderer Berücksichtigung des subsaharischen frankophonen Afrika und Niger. Grin Verlag: Norderstedt Germany. ISBN 978-3-638-67687-8
- Albayrak, B. (2007). Mehrsprachigkeit – Definitionen, Typen und wissenschaftliche Fragestellungen. Grin Verlag: Norderstedt Germany. ISBN 978-3-640-19018-8
- Hadumod Bußmann: Lexikon der Sprachwissenschaft. 4. Auflage, Verlag Kröner, Stuttgart, 2008; ISBN 3-5204-5204-9
- Csaba Földes: Kontaktdeutsch. Zur Theorie eines Varietätentyps unter transkulturellen Bedingungen von Mehrsprachigkeit. Tübingen: Verlag Gunter Narr 2005; ISBN 3-8233-6160-0 (Inhaltsverzeichnis und Volltext; PDF; 2,8 MB)
- Riehl, C. (2004). Sprachkontaktforschung .Eine Einführung. Narr, Tübingen.ISBN 3-8233-6013-2
- Reimann, I. (2009). Interkulturelle Mehrsprachigkeit. Norderstedt: Grin Verlag.
- Roth, H. (2006). Mehrsprachigkeit als Ressource und als Bildungsziel. In L. Reiberg (Hg.) Mehrsprachigkeit macht Schule, (pp. 11-14). Duisburg: Gilles & Francke Verlag.
- Riehl, C. (2006). Artikel Die Bedeutung von Mehrsprachigkeit aus dem Kompetenzzentrum Sprachförderung - newsletter Januar 2006 (Köln) https://web.archive.org/web/20140124021556/http://ganztag-blk.de/ganztags-box/cms/upload/sprachfrderung/BS_3/Artikel_Die_Bedeutung_von_Mehrsprachigkeit.pdf
- Riehl, C. (2006). Aspekte der Mehrsprachigkeit: Formen, Vorteile, Bedeutung. In L. Reiberg (Hg.) Mehrsprachigkeit macht Schule, (pp. 15-23). Duisburg: Gilles & Francke Verlag.
- Ostendoerfer, L. (2009). Die Vor- und Nachteile der frühen Zweisprachigkeit. Norderstedt: Grin Verlag.
- Eichinger, L. (1994). Sprachliche Kosten-Nutzen-Rechnung und die Stabilität mehrsprachiger Gemeinschaften. In U. Helfrich & C. Riehl (Hg.) Mehrsprachigkeit in Europa – Hindernis oder Chance? (pp. 31-54). Wilhelmsfeld: Egert Verlag.
- Romaine, S. (1995). Bilingualism (it-tieni edizzjoni). MPG Books Ltd. Bodmin. Cornwall, ISBN 0-631-19539-4
- Krieger, S. (2011). Sprachliche Vielfalt – Vorteile und Nachteile der Mehrsprachigkeit. Norderstedt: Grin Verlag.