Aqbeż għall-kontentut

TNMK

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
TNMK
Ħajja
Okkupazzjoni
Moviment artistiku hip hop
rap
rapcore
funk
Tikketta tar-reġistrazzjoni Moon Records

TNMK jew Tanok na Maidani Kongo (bl-Ukren: Танок на майдані Конґо, [tɐˈnɔk nɑ mɐjˈdɑn⁽ʲ⁾i ˈkɔnɡo]; letteralment "Żifna fil-Pjazza tal-Kongo") huwa l-iżjed grupp mużikali tal-hip-hop Ukren ta' suċċess. Huwa magħruf għal-lirika tniggeż u makakka tiegħu; iħalltu ġeneri mużikali differenti flimkien bħal rock, funk u jazz mal-hip-hop u jdoqqu strumenti reali fl-albums u fl-ispettakli tagħhom f'ħin reali, iktar milli jużaw kampjuni mużikali lesti u makkinarji tat-tnabar. Il-grupp mużikali TNMK ħa sehem f'diversi festivals bħal Sziget Fest, Zakhid, Tavria Games, Chervona Ruta, Faine Misto u Bandershtat.[1]

Il-grupp ġie ffurmat f'kamp tax-xogħol fl-14 ta' Ġunju 1989 minn Oleksandr "Fozzi" Sydorenko u Kostiantyn "Kotia" Zhuikov u oriġinarjament kien imsejjaħ Novye Doma (bir-Russu: Новые Дома) wara wieħed mill-kwartieri tal-belt ta' Kharkiv fejn kienu jgħixu xi membri tal-grupp stess. Huma taw spettaklu fiċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni tal-kamp u mbagħad ġie deċiż fl-1 ta' Settembru 1989 li l-grupp kollu jitlaqqa' flimkien fl-iskola Nru 11 fejn kienu jistudjaw. F'Settembru tal-istess sena waqt is-subbotnik, il-kitarrista tal-grupp Ivan Rykov, minflok pinġa lasta tal-futbol, fir-range tal-isparar tal-iskola kiteb il-frażi "НОВЫЕ ДОМА ГР", filwaqt li għall-kumplament tal-frażi УППА spiċċatlu ż-żebgħa (ГРУППА bir-Russu tfisser grupp mużikali). Il-frażi baqgħet hemm għal iktar minn 20 sena, iżda maż-żmien iċċarat. Oriġinarjament il-grupp Novye Doma kien idoqq u jkanta ħdejn il-Palazz tal-Pijunieri lokali (fil-parti tax-Xlokk tal-belt), iżda iktar 'il quddiem irnexxielhom jiżguraw studjo fil-Palazz tal-Pijunieri fin-naħa tal-Punent tal-belt fejn daqqew u kantaw fl-1990-1994. B'kumbinazzjoni eżatt wara x-xatba fejn kien hemm il-Palazz tal-Kultura, kien hemm skola mużikali fejn l-istudenti kienu jgħixu fiha u fejn fl-istess ħin il-membru futur tal-grupp Oleh Mykhailyuta kien qed jitgħallem idoqq il-fagott (strument mużikali). L-amministrazzjoni tal-palazz ħalliet il-grupp mużikali jdoqq u jkanta abbażi ta' kundizzjoni waħda biss; li jdoqq waħda mill-kanzunetti popolari darba fil-ġimgħa. Fost il-kompożizzjonijiet li l-grupp kellu jitgħallem kien hemm I've Been Thinking About You tal-Londonbeat, Don't Cry tal-Guns N' Roses, kif ukoll kanzunetti popolari Sovjetiċi.

Fuq suġġeriment tal-mużiċist tal-istrumenti tal-korda tal-grupp Maksym Lytvynenko, il-grupp mużikali biddel ismu għal Tanets na ploschadi Kongo għall-Pjazza tal-Kongo f'New Orleans, li kienet meqjusa bħala l-post fejn twieled il-jazz.

Għall-ħabta tal-1997 il-grupp biddel ismu għall-verżjoni attwali bl-Ukren li ġie adottat għall-festival Chervona Ruta tal-1997.

Il-grupp mużikali rrilaxxa l-ewwel album tiegħu, Zroby meni hip-hop, fl-1998. Il-kanzunetta ewlenija tal-album saret hit tal-ġeneru underground fl-Ukrajna, iżda kien biss bir-rilaxx ta' Neformat fl-2001 li l-grupp kiseb il-popolarità ġenerali. Pozhezhi mista Vavilon, rilaxxat fl-2004, kellu ħoss mużikali iktar aħrax, filwaqt li Jazzy, rilaxxat fl-istess sena, kien album f'ħin reali li ġie rreġistrat flimkien ma' grupp mużikali Ukren tal-jazz, Skhid-Side, u kellu kanzunetti tat-TNMK irranġati mill-ġdid bi stil jazz u funk. Fl-istess sena, il-grupp mar jagħti spettaklu fi Franza u rreġistra verżjonijiet bil-Franċiż ta' wħud mill-kanzunetti tiegħu. L-album Syla tal-grupp ġie vvutat bħala l-aqwa album tal-2005 mill-iżjed portal tal-mużika popolar tal-Ukrajna music.com.ua. L-album tal-2008, ReFormatTsia vol.2, huwa kompilazzjoni ta' remixes tal-kanzunetti tal-grupp kantati minnu u minn kantanti oħra bħal Oleh Skrypka, Mariya Burmaka u GreatFruit. L-album jinkludi wkoll remix tal-kanzunetta "Chervona Ruta" flimkien ma' Sofia Rotaru. Fl-2014 il-grupp irrilaxxa l-aħħar album tiegħu Dzerkalo.

  • 1998 Zroby meni hip-hop (Make me hip hop) (Зроби мені хіп-хоп)
  • 2001 Neformat (Curiosities) (Неформат)
  • 2002 Reformatsiya (Reformation) (Реформація) (album remix)
  • 2004 Pozhezhi mista Vavilon (Fires of the City Babylon) (Пожежі міста Вавілон)
  • 2004 Jazzy (album f'ħin reali)
  • 2005 Syla (The Power) (Сила)
  • 2008 ReFormatTsia vol.2 (ReFormation vol.2) (album remix)
  • 2010 S.P.A.M. (С.П.А.М.)
  • 2014 Dzerkalo (The Mirror) (Дзеркало)
  • 2018 7
  1. ^ "Esthetic Education and TNMK showed themselves in "Sziget" rock-festival". www.unian.info (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-26.