Aqbeż għall-kontentut

Roscosmos

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-arma ta' Roscosmos
L-arma ta' Roscosmos

Roscosmos (Russu: Государственная корпорация по космической деятельности «Роскосмос») huwa kif inhi magħrufa il-Korporazzjoni Spazjali tal-Istat fil-Federazzjoni Russa, li topera l-program ta' titjieriet spazjali, l-amministrazzjoni tal-kosmonawti, u riċerka aerospazjali.

L-organizazzjoni originat mill-programm spazjali Sovjetiku mwaqqaf fis-snin ħamsin tas-seklu għoxrin. Roscosmos bħala isem ħareġ wara x- xoljiment tal-Unjoni Sovjetika fl-1991 u l-organizazzjoni ħadet dimensjoni oħra. Inizjalment bdiet bħala l-Aġenzija Spazjali Russa, li ġiet stabbilita fil-25 ta' Frar 1992 u ristrutturata fl-1999 bħala l-Aġenzija Russa għall-Avjazzjoni u l-Ispazju. Fl-2004 saret ristruturazzjoni li permezz tagħha twaqqfet l-Aġenzija Spazjali Federali (Roscosmos). Fl-2015, Roscosmos ingħaqdet mal-Korporazzjoni Magħquda tar-Rokits u l-iSpazju, korporazzjoni tal-gvern, biex terġa' tinnazzjonalizza l-industrija spazjali Russa, u dan wassal għal Roscosmos fil-forma attwali tagħha.

Roscosmos għandu l-kwartieri ġenerali f'Moska , biċ-Ċentru ta' Kontroll tal-Missjoni prinċipali tiegħu fil-belt fil-qrib ta' Korolyov, u ċ-Ċentru ta' Taħriġ tal-Kosmonauti Yuri Gagarin li jinsab fi Belt tal-Istilla f'Moska Oblast. Il-faċilitajiet tagħha jinkludu l-Baikonur Cosmodrome fil-Każakstan, l-ewwel u l-akbar faċilità spazjali fid-dinja, u Vostochny Cosmodrome, li qed jinbena fil-Lvant Imbiegħed Russu fl-Amur Oblast. Id-direttur tal-korporazzjoni minn Lulju 2022 huwa Yury Borisov.

Bħala s-suċċessur ewlieni tal-programm spazjali Sovjetiku, il-wirt ta' Roscosmos jinkludi l-ewwel satellita fid-dinja, l-ewwel titjira spazjali tal-bniedem, u l-ewwel stazzjon spazjali (Salyut). L-attivitajiet attwali tal-korporazzjoni jinkludu l-Istazzjon Spazjali Internazzjonali, fejn hija sieħeb ewlieni. Fit-22 ta' Frar 2019, Roscosmos ħabbret il-kostruzzjoni tal-kwartieri ġenerali l-ġodda tagħha f'Moska, iċ-Ċentru Spazjali Nazzjonali.

Il-Korp tal-Astronawti tagħha huwa l-ewwel wieħed fl-istorja tad-dinja.