Konso
Konso | |
---|---|
Etjopja | |
Amministrazzjoni | |
Stat sovran | Etjopja |
Region of Ethiopia | Reġjun tan-Nazzjonijiet, tan-Nazzjonalitajiet u tal-Popli tan-Nofsinhar |
Zone of Ethiopia | Distrett Speċjali ta' Konso |
Ġeografija | |
Koordinati | 5°20′30″N 37°26′30″E / 5.3417°N 37.4417°EKoordinati: 5°20′30″N 37°26′30″E / 5.3417°N 37.4417°E |
Għoli | 1,650 m |
Demografija |
Konso, magħruf ukoll bħala Karati, huwa raħal fil-Lbiċ tal-Etjopja u l-belt kapitali taż-Żona ta' Konso fl-Istat Reġjonali l-ġdid tan-Nofsinhar tal-Etjopja. Jinsab 20 kilometru fit-Tramuntana tax-xmara Sagan, b'latitudni u b'lonġitudni ta' 5°15′N 37°29′E, u b'elevazzjoni ta' 1,650 metru (5,410 piedi). Xi abitanti ġirien isejħulu Pakawle.[1] Ir-raħal u l-villaġġi tal-madwar tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2011 bħala pajsaġġ kulturali minħabba t-tradizzjonijiet kulturali uniċi u l-importanza tar-raħal għall-poplu Konso.[2]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]It-tradizzjonijiet bil-fomm tal-poplu Konso jissuġġerixxu li kienu wettqu migrazzjoni lejn ir-reġjun bejn wieħed u ieħor 400 sena ilu, u dan huwa appoġġat mill-għadd ta' ġenerazzjonijiet (21) magħduda mill-ewwel kap ritwali.[3] Fl-1897, Menelik II ħa t-tmexxija tal-belt f'idejh.[4]
Il-patri missjunarju Azaïs ippreżenta l-istatwi Waga (wa'kka) fl-1931. Fl-1956, Murdock assoċja l-ħaġar megalitiku u arkeoloġiku tar-raħal ma' oriġini Kuxitika. Fil-ktieb ta' Kluckhohn Markets of Africa (Swieq tal-Afrika) ippubblikat fl-1962, l-awtur jittraċċa livelli għoljin ta' żviluppi ekonomiċi tal-qedem fir-raħal. Fl-1984, Amborn studja t-tekniki agrikoli manwali storiċi tar-reġjun.
Is-sit tniżżel bħala sit indikattiv biex xi darba jitqies biex isir Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-30 ta' Settembru 1997, minħabba l-importanza kulturali universali tiegħu u sar Sit ta' Wirt Dinji uffiċjali tal-UNESCO fl-2011.[5] Konso huwa l-ewwel post fl-Etjopja li ġie rikonoxxut bħala "pajsaġġ kulturali".[6]
Fl-2007 ġiet stabbilita azjenda agrikola b'permakultura, Strawberry Fields Eco-Lodge, fit-Tramuntana tar-raħal u taħdem ma' voluntiera internazzjonali u tliet skejjel lokali għat-tkabbir tal-ikel, għall-promozzjoni tat-turiżmu ekoloġiku, u l-għoti tal-edukazzjoni dwar il-permakultura.[7]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Pajsaġġ Kulturali ta' Konso ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2011.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[2]
Pajsaġġ kulturali
[immodifika | immodifika s-sors]Il-pajsaġġ madwar Konso huwa mtarraġ ferm, sabiex tiġi evitata kemm jista' jkun l-erożjoni tal-ħamrija kkawżata mix-xita sporadika u li kultant tinżel qliel fir-reġjun. Ir-raba' mtarraġ huwa wieqaf (uħud huma għoljin sa 8 metri (26 pied)) u msaħħaħ mill-ġdid bil-ġebel. Turretti u riffieda addizzjonali nbnew tul il-ħitan tas-sejjieħ li jirfdu r-raba' mtarraġ. Il-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tar-raba' mtarraġ normalment jirrikjedi l-membri tal-familja kollha.
L-insedjamenti ffortifikati b'ħitan, imsejħa paletas, jinsabu fil-quċċata tal-għoljiet tar-reġjun sabiex ikollhom vantaġġ strateġiku. Il-villaġġi huma mdawra b'minn ċirku sa sitt ċrieki konċentriċi ta' ħitan tal-ġebel, magħmula l-iktar b'ħaġar kbir tal-bażalt. L-eqdem ħitan fuq ġewwa jaf ikunu għoljin sa 4 metri (13-il pied) u wesgħin sa 2.5 metri (8 piedi u 2 pulzieri). Fi ħdan il-paletas, il-poplu Konso jgħix f'kumplessi individwali li jikkonsistu minn diversi strutturi msaqqfa bil-ħuxlief u t-tajn, li jinkludu mħażen għall-qamħ, djar u kraal (qishom stalel) għall-bhejjem. Il-villaġġi fihom ukoll spazji kbar fejn il-poplu jinġabar, imsejħa moras, li jintużaw għal skopijiet komunali u ċerimonjali.
Il-poplu Konso għadhom jipprattikaw it-tradizzjoni unika li jtellgħu ħaġar wieqaf li jimmarkaw il-ġenerazzjonijiet, imsejħa daga-hela, li jiġu prodotti f'barrieri u li jiġu ttrasportati permezz ta' proċess ritwali. Barra minn hekk, il-poplu Konso huwa magħruf għall-iskulturi waga tiegħu, li huma statwi li jfakkru l-membri deċeduti tal-komunità. Dawn l-istatwi spiss ikunu stilizzati u antropomorfiċi, u jiddeskrivi l-membru tal-komunità, il-familji tagħhom, u xi kultant anke avvenimenti importanti f'ħajjithom. Il-foresti sagri qrib il-paletas fihom diversi postijiet importanti fejn isiru r-ritwali, speċjalment għall-inizjazzjonijiet, u jservu bħala l-postijiet funebri għall-mexxejja ritwali.
Ħdejn l-għoljiet ta' Konso hemm saffi ta' fossili b'densità kbira ta' fdalijiet ta' omonidi bikrin.
Ekonomija
[immodifika | immodifika s-sors]Philip Briggs jissuġġerixxi li r-raħal attwali "jista' b'mod prożajku jiġi deskritt bħala post traffikuż ta' dimensjonijiet komikament enormi, imdawwar b'pompa waħda tal-petrol u għadd ta' lukandi lokali sparpaljati".[8] Skont l-Uffiċċju tal-Finanzi u l-Iżvilupp Ekonomiku tal-SNNPR, mill-2003 fost il-faċilitajiet tal-poplu Konso nsibu l-aċċess għal-linja telefonika diġitali, is-servizz postali, l-elettriku pprovdut permezz ta' ġeneratur, u fergħa ta' organizzazzjoni tal-mikrofinanzi.[9] Fost l-industriji lokali hemm it-trobbija tan-naħal, l-insiġ tal-qoton, u l-agrikoltura. Kull nhar ta' Tnejn u ta' Ħamis, żewġ kilometri mir-raħal tul Triq Jinka, jarma s-suq.[10]
Demografija
[immodifika | immodifika s-sors]Abbażi tal-figuri mill-Aġenzija tal-Istatistika Ċentrali fl-2005, Konso għandha popolazzjoni totali stmata ta' 4,593 ruħ, li minnhom 2,258 ruħ huma rġiel u 2,335 ruħ huma nisa. Iċ-ċensiment nazzjonali tal-1994 irrapporta li dan ir-raħal kellu popolazzjoni totali ta' 2,535 ruħ, li minnhom 1,250 ruħ kienu rġiel u 1,285 ruħ kienu nisa.[11]
Kunflitt mill-1990
[immodifika | immodifika s-sors]Hemm kunflitt kontinwu li ilu għaddej mill-1990 minħabba diżgwid fuq l-artijiet, u nqatlu bosta ċivili u mijiet ta' eluf ta' persuni spustjati internament li nqabdu fil-vjolenza. In-Nazzjonijiet Uniti wissew li Konso kien hotspot prijoritarju fl-2022, minħabba l-kunflitt kontinwu u l-kwistjoni tat-temp avvers li kompla jiggrava l-kriżi umanitarja eżistenti fiż-Żona ta' Konso.[12]
Iktar qari
[immodifika | immodifika s-sors]- Watson, Elizabeth E. (2009). Living terraces in Ethiopia: Konso landscape, culture & development. Eastern Africa series. Woodbridge, UK ; Rochester, NY: James Currey. ISBN 9781847010056.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Klaus Wedekind, "Sociolinguistic Survey Report of the Languages of the Gawwada (Dullay), Diraasha (Gidole), Muusiye (Bussa) Areas", SIL Electronic Survey Reports, 2002-065, p. 16.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Konso Cultural Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-16.
- ^ "Dokument tan-nomina bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO".
- ^ Otto, Shako (2004). "Traditional Konso Culture and the Missionary Impact". Annales d'Éthiopie. 20 (1): 149–180.
- ^ UNESCO World Heritage Centre. "Sit indikattiv" (bl-Ingliż).
- ^ "Ethiopia: Konso People Celebrate UNESCO World Heritage Support –". web.archive.org. 2022-07-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-07-05. Miġbur 2024-01-16.
- ^ "Strawberry Fields Eco Lodge – an adventure of a stay | Make Travel Fair UK". web.archive.org. 2010-09-15. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-09-15. Miġbur 2024-01-16.
- ^ Philip Briggs, Ethiopia: The Bradt Travel Guide, 3rd edition (Chalfont St Peters: Bradt, 2002), p. 455f.
- ^ "Detailed statistics on hotels and tourism". Bureau of Finance and Economic Development. 2011. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-05-31.
- ^ Briggs, Ethiopia, p. 456.
- ^ "CSA - Central Statistical Agency". web.archive.org. 2008-07-31. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-08-13. Miġbur 2024-01-16.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Ethiopia: Humanitarian Access Snapshot (January - June 2021) - Ethiopia | ReliefWeb". reliefweb.int (bl-Ingliż). 2021-08-09. Miġbur 2024-01-16.