Aqbeż għall-kontentut

Facebook

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Meta Platforms, Inc.
Tip Privata
Fundazzjoni Cambridge, Massachusetts, Stati Uniti
Fundatur Steve Chen
Chad Hurley
Jawed Karim
Kwartieri ġenerali Palo Alto, Kalifornja
Dublin, Irlanda (kwartieri ġenerali għall-Ewropa, l-Afrika u l-Lvant Nofsani)
Seoul, Korea t'Isfel (kwartieri ġenerali għall-Asja)
Nies importanti Mark Zuckerberg, Fundatur u CEO
Dustin Moskovitz, Ko-fundatur
Sheryl Sandberg, COO
Matt Cohler, VP tal-Ġestjoni tal-Prodott
Chris Hughes, Ko-fundatur
Introjtu 300 miljun USD (stima tal-2008)[1]
Impjegati 900+[2]
Sit elettroniku www.facebook.com
Pożizzjoni fuq Alexa 2[3]
Tip ta' sit Netwerk soċjali
Reġistrazzjoni Bżonnjuża
Lingwi disponibbli 14-il lingwa
Stat attwali Attiva

Facebook huwa sit elettroniku li jipprovdi servizz ta' midja soċjali mmexxi minn kumpanija bbażata f'Menlo Park, California. Is-sit tnieda fl-4 ta' Frar 2004 minn Mark Zuckerberg flimkien ma' sħabu fl-Università ta' Harvard. F'dan is-sit, l-utenti jistgħu jirreġistraw, joħolqu profil personali tagħhom, iżidu utenti oħra bħala "ħbieb" u jaqsmu magħhom messaġġi, ritratti, vidjows u ħoloq. L-utenti jistgħu wkoll jissieħbu f'paġni ta' interess u gruppi.

Għall-bidu l-fundaturi llimitaw is-sħubija fis-sit għall-istudenti ta' Harvard biss. Aktar tard bdew jiġu inklużi skejjel u universitajiet oħra, sakemm fl-aħħar infetħet għal kull min għandu 'l fuq minn 13-il sena. Fi Frar tal-2012, Facebook tqiegħed fis-suq permezz ta' Offerta Pubblika Inizjali (IPO) u beda jbigħ stokks lill-pubbliku tliet xhur wara, fejn laħaq kapital rekord ta' $104 miljun. Il-maġġoranza tad-dħul tal-kumpanija ġej mir-reklami li jidher fis-sit.

Sa Ġunju tal-2017, 'il fuq minn 2 biljun utent jaċċessaw is-sit fix-xahar. Din il-popularità wassal għall-istampa sabiex tkopri l-impatt ta' dan is-sit, fosthom fuq l-iskrutinju dwar il-privatezza u l-effetti psikoloġiċi tal-utenti tagħha. Fis-snin riċenti, il-kumpanija affaċċjat kritika fuq l-ammont ta' aħbarijiet foloz, diskors ta' mibegħda u xeni ta' vjolenza.

Il-Facebook ġie fundat fl-4 ta' Frar 2004 minn Mark Zuckerberg, fi żmien meta kien għadu student ta' dsatax-il sena fl-Università ta' Harvard, bl-għajnuna ta' Andrew McCollum u Eduardo Saverin. Fi tmiem l-istess xahar, iktar minn nofs il-popolazzjoni universitarja ta' Harvard kienu reġistrati ma' dan is-servizz. Dak iż-żmien, Zuckerberg kien ġie megħjun minn Dustin Moskovitz u Chris Hughes għall-promozzjoni tas-sit u l-Facebook kiber għall-Università ta' Stanford, għall-Università ta' Kolumbja u għall-Università ta' Yale. Dan it-tkabbir kompla f'April tal-2004 meta ġie estiż għall-kumplament tal-Ivy League, għall-MIT, għall-Università ta' Boston u għall-Kulleġġ ta' Boston. Fi tmiem is-sena skolastika, Zuckerberg u Moskovitz ittrasferew lejn Palo Alto f'Kalifornja ma' McCollum. Hemmhekk huma krew dar qrib l-Università ta' Stanford fejn magħhom ingħaqdu wkoll Adam D'Angelo u Sean Parker.

Id-dominju attwali, facebook.com, ġie reġistrat bejn April u Awwissu tal-2005 għal somma ta' $200,000,[4] u diversi universitajiet oħra ġew miżjuda fis-sena ta' wara. Maż-żmien, persuni li kellhom l-indirizz tal-posta elettronika tagħhom b'dominju universitarju (per eżempju .edu, .ac.uk u oħrajn) minn istituzzjonijiet minn madwar id-dinja kisbu r-rekwiżiti sabiex jipparteċipaw. B'hekk, nhar is-27 ta' Frar 2006 Facebook estenda ruħu għall-iskejjel sekondarji u azjendi kbar.

Mis-26 ta' Settembru 2006, Facebook fetaħ għal dawk kollha li għandhom tlettax-il sena jew iktar u li għandhom indirizz elettroniku validu. F'Ottubru 2008, Facebook ħabbar li kien se jagħmel il-kwartieri ġenerali internazzjonali tiegħu ġewwa Dublin, fl-Irlanda.

Minn Settembru tal-2006 sa Settembru tal-2007, il-pożizzjoni fil-klassifiki tat-traffiku tas-siti web skont kif maħruġ minn Alexa, dan is-sit għamel qabża kbira mis-sittin post għas-seba' post. Minn Lulju 2007, daħal fil-klassifika tal-għaxar siti l-aktar viżitati fid-dinja.

Ġewwa Malta, skont rapport maħruġ minn Google Labs, in-numru ta' Maltin fuq dan is-sit matul l-2007 immultiplika ħafna drabi.[5] Matul l-2008 kien hemm splużjoni kbira ta' utenti fuq dan is-sit, fejn dan in-numru kiber biex sa Jannar 2010 hemm madwar 131,000 utent Malti. Barra minn hekk, il-Facebook f'Malta kellu fost l-ogħla rata ta' penetrazzjoni minn madwar id-dinja.[6] Skont Alexa, f'Malta, dan is-sit huwa t-tieni wieħed l-iktar viżitat, wara l-Google.[7]

Il-paġna prinċipali tal-Facebook turi formola biex utent li għandu diġà kont jagħmel il-login fuq in-naħa ta' fuq, u formola ta' reġistrazzjoni taħtha għal utenti ġodda.

L-utenti jistgħu joħolqu l-profili tagħhom b'ritratti, elenki tal-interessi tagħhom, u dettalji oħra personali. Komunikazzjoni bejn il-ħbieb u utenti oħra tista' ssir permezz ta' messaġġi kemm dawk privati kif ukoll dawk pubbliċi, jew permezz tal-użu taċ-chat. L-utenti jistgħu joħolqu u jingħaqdu fi gruppi ta' interess partikulari jew ta' sostenn, fejn xi ftit minnhom huma miżmuma minn organizzazzjonijiet għal skopijiet ta' reklamar. Biex tikkumbatti l-"ġlieda" fuq il-privatezza, il-Facebook tħalli lil kull min għandu profil jagħżel min jista' jara l-profil tiegħu u liema parti jista' jara.

Dan is-sit huwa miftuħ għal kulħadd, huwa b'xejn għall-utenti u l-introjtu huwa ġenerat mir-reklamar.

  1. ^ "By The Numbers: Billionaire Bachelors" (bl-Ingliż). Forbes. Miġbur 2008-09-20.
  2. ^ "Press Info", Facebook.
  3. ^ "facebook.com - Traffic Details from Alexa" (bl-Ingliż). Alexa Internet, Inc. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-12-21. Miġbur 2009-10-17.
  4. ^ Williams, Chris (2017-10-01). "Facebook wins Manx battle for face-book.com" (bl-Ingliż). The Register. Miġbur 2008-06-13.
  5. ^ Vella, Matthew (2008-01-02). "Facebook – what made 2007 the year of viral networking" (bl-Ingliż). Miġbur 2010-02-15.
  6. ^ Facebook Statistics Malta, facebakers.com
  7. ^ "Alexa - Top Sites in Malta". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-02-10. Miġbur 2010-02-15.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]