Adrian Delia
Adrian Delia | |||||
---|---|---|---|---|---|
4 Ottubru 2017 -
4 Ottubru 2017 - 7 Ottubru 2020 ← Simon Busuttil - Bernard Grech → | |||||
Ħajja | |||||
Twelid | Tas-Sliema, 8 Awwissu 1969 (55 sena) | ||||
Edukazzjoni | |||||
Alma mater |
Università ta' Malta Kulleġġ ta' San Alwiġi | ||||
Okkupazzjoni | |||||
Okkupazzjoni |
politiku avukat |
Adrian Delia (B'Kara, 8 ta' Awwissu, 1969) kien il-Kap tal-Oppożizzjoni f'Malta u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista bejn l-2017 u l-2020.
Studji
[immodifika | immodifika s-sors]Twieled, għex u trabba ġewwa Birkirkara. Ħa l-formazzjoni akkademika tiegħu fil-Kulleġġ San Alwiġi qabel studja u gradwa bħala avukat mill-Università ta’ Malta fl-1993.
Avukat
[immodifika | immodifika s-sors]Waqt li kien l-Università, huwa ħadem f’Radio 101. Beda l-karriera professjonali bħala Avukat tal-Mid-Med Bank qabel ma fetaħ ditta legali, Aequitas Legal, li llum tħaddem madwar 45 ruħ. Bħala avukat, Delia kiseb reputazzjoni u rrappreżenta diversi kumpaniji kemm Maltin kif ukoll barranin.
Bi kważi 25 sena esperjenza, Delia ħadem fil-qasam tal-public procurement u f’dak bankarju u serva wkoll bħala Direttur u Segretarju ta’ wieħed mill-Banek ewlenin Ewropej ġewwa Malta. Huwa wkoll liċenzjat bħala fiduċjarju mal-MFSA.
Okkupa diversi rwoli oħrajn tat-tmexxija fosthom bħala l-president tal-FRBC u viċi president tal-Maltese Turkish Business Council.
Huwa direttur u segretarju tal-kumpanija Erste Bank (Malta) Ltd, sussidjarja ta' Erste Bank, ewlieni fl-operazzjonijiet bankarji tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant b'kapital fis-suq ta' 15-il biljun ewro.
Għal bosta snin, Delia ta parir lil Skanska, il-kumpanija tal-kostruzzjoni multinazzjonali li bniet l-Isptar Mater Dei, l-akbar kuntratt ta' akkwist f'Malta sal-lum. Ħadem għall-akbar kumpaniji u konsorzji tat-toroq tal-pajjiż, aġenti ta' beni immobbli ewlenin, kumpaniji tal-iżvilupp u tal-kostruzzjoni u uffiċċji tal-periti. Fil-passat serva bħala president tal-Federazzjoni tal-Bennejja tat-Toroq u Kuntratturi.
Huwa kien avukat tad-difiża fl-ewwel proċedura ta' arbitraġġ internazzjonali li saret f'Malta f'litigazzjoni ta' trasferiment ta' valur għoli.
Futbol
[immodifika | immodifika s-sors]Huwa l-iktar magħruf bħala President tal-klabb tal-futbol Birkirkara FC fejn jibqa’ msemmi li rnexxielu jkun l-ewwel klabb Malti li rnexxielu jgħaddi għat-tielet rawnd ta’ kwalifikazzjoni f’kompetizzjoni Ewropea.
Politika
[immodifika | immodifika s-sors]Elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista
[immodifika | immodifika s-sors]Nhar il-25 ta' Ġunju 2017, 3 ġimgħat wara li l-PN ġarrab telfa elettorali massiċċa fl-Elezzjonijiet Ġenerali 2017, Delia ħabbar il-kandidatura tiegħu għal Kap tal-PN wara r-riżenja ta' Simon Busuttil. Huwa kiteb hekk fuq il-media soċjali:
"Biex Inservi, nisma' l-għajta tal-poplu, il-karba tal-Partit, nidħol b’qalb kbira, enerġija ma taqtax, mhux meta fil-glorja iżda fl-ikbar bżonn. U flimkien nibnu mill-ġdid il-Partit tal-ħafna mhux tal-ftit. Tas-servizz mhux tal-pretensjonijiet. Li jħares lejn is-soċjetà u jintebaħ li nbidlet u flok iwebbes rasu jdewweb qalbu, jnebbaħ ruħu u jegħreq demmu biex jerġa’ jkun tan-nies flok tas-setturi. Bibien beraħ, ideat ġodda, biex nibnu mhux biss l-istrutturi imma l-futur ta' uliedna."
Nhar it-2 ta' Settembru 2017, huwa kien l-iktar kontestant li kiseb voti mill-Kunsilliera tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, 616 vot, fl-ewwel rawnd tal-votazzjoni fl-elezzjoni għall-Kap tal-PN, li kkontestaw għaliha wkoll Alex Perici Calascione, Frank Portelli u Chris Said. Said kiseb it-tieni l-ikbar ammont ta' voti, 425 vot. Perici Calascione ġab 296 vot u Frank Portelli 11-il vot.
Delia qal li rebħet id-demokrazija u li ġimagħtejn oħra, it-22,000 tesserat kienu se jagħmlu deċiżjoni storika. Filwaqt li rringrazzja lit-tliet kontestanti l-oħra, Dr Delia saħaq li minn issa ’l quddiem il-messaġġ irid ikun wieħed ta’ għaqda. Insista li ħadd mhu ikbar mill-partit.
Kap tal-Partit Nazzjonalista
[immodifika | immodifika s-sors]Nhar is-16 ta' Settembru 2017, 14,750 tesserat tefgħu l-vot tagħhom. Madwar terz mit-tesserati, 7,000, ma vvutawx. Delia ġab 52.7% tal-voti mitfugħa (7,734 vot) filwaqt li Chris Said (6,932 vot) ġab 47.3%. Delia kien l-ewwel Kap ta' Partit li ntgħażel b'dan il-mod, jiġifieri mit-tesserati.
Huwa kien ko-optjat fil-Parlament fl-4 ta' Ottubru 2017 wara r-riżenja mill-Parlament ta' Jean Pierre Debono u sussegwentement ta' Peter Micallef.
Huwa ħa l-ġurament bħala Kap tal-Oppożizzjoni fis-6 ta' Ottubru 2017.
Elezzjonijiet Ewropej u tal-Kunsilli Lokali 2019
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel test elettorali għal Delia kienet l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, nhar il-25 ta' Mejju 2019. Din l-elezzjoni intrebħet bil-kbir mill-Partit Laburista li ġab 141,267 vot (54.3%), 42,656 vot iktar mill-PN li ġab 98,611 vot (38%). Il-PL tella' erba' parlamentari, u l-PN tnejn.
Fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, il-PL ġab 150,514 vot, 47,160 vot iktar mill-PN li ġab 103,398 vot. Biex hekk il-PL ġab il-maġġoranza f'47 kunsill, u l-PN fi 19 biss. Il-PN tilef għall-ewwel darba l-maġġoranza fil-Belt Valletta, u ma rnexxilux iġib maġġoranza f'B'Kara, il-Mosta u San Pawl il-Baħar.
Riżenji
[immodifika | immodifika s-sors]Wara dawn l-elezzjonijiet, segwew numru ta' riżenji. David Stellini rriżenja minn President tal-Kunsill Amministrattiv u minn Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni wara li ma ġiex elett bħala Membru Parlamentari Ewropew. Hu għamel dan sabiex jerġa’ jmur jaħdem fi Brussell.
Fl-1 ta’ Ġunju 2019, Mark Anthony Sammut irriżenja minn President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Dan għamel biex fi kliemu jibgħat sinjal li qed jerfa’ r-responsabbiltà għat-telfiet li ġarrab il-PN fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali, li hu sejħilhom “l-agħar riżultat politiku mill-gwerra ‘l hawn,” kif ukoll biex juri d-diżgust tiegħu lejn ir-reazzjoni tal-uffiċjali ewlenin tal-Partit Nazzjonalista għar-riżultat.
Fit-3 ta’ Ġunju, David Camilleri irriżenja t-Teżorier tal-Partit Nazzjonalista , għax sostna li xi ħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dak li ġara meta ttieħed il-vot li bih Jean Pierre Debono ġab żewġ voti iktar minn Kevin Cutajar u għalhekk kien se jieħu post David Stellini. Aktar tard, dan il-post ittieħed minn Kevin Cutajar wara li Jean Pierre Debono ddeċieda li ma jiħux l-irwol hu.
Fis-17 ta' Ġunju, Pierre Portelli rriżenja minn Chairman Eżekuttiv tal-midja tal-PN, għax qal li l-ħidma tiegħu ma tistax iġġib aktar bidliet minħabba l-attakki kostanti u koordinati fuq il-Partit u fuq il-midja tiegħu minn uħud mill-Membri Parlamentari Nazzjonalisti.
Fl-24 ta' Ġunju, fil-mezzi tal-media, intqal li nġabru biżżejjed firem biex iġiegħlu lill-Partit Nazzjonalista jtella’ laqgħa ġenerali straordinarja bil-għan li jittieħed vot dwar jekk Adrian Delia għandux jibqa’ kap tal-Partit. Skont l-istatut tal-partit, il-mozzjoni teħtieġ minn tal-inqas 150 firma mill-kunsilliera biex il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista issejjaħ laqgħa. Intqal li l-firem inġabru f’24 siegħa u l-petizzjoni ssejjaħ lil 1,500 membru tal-Kunsill biex b’mod sigriet jivvota jekk Adrian Delia għandux jerfa’ responsabilita’ politika u jirriżenja.
Fis-27 ta' Lulju, wara Kunsill Ġenerali Straordinarju tal-Partit Nazzjonalista msejjaħ mill-Kap tal-Partit, il-kunsilliera vvutaw b'maġġoranza ta' 68% biex Delia jibqa' Kap tal-Partit sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Kontroversji
[immodifika | immodifika s-sors]Soho
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-eqqel tal-kampanja għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, fis-sajf tal-2017, Daphne Caruana Galizia allegat li Delia daħħal aktar minn miljun ewro minn ċirku ta’ prostituzzjoni f’Londra. Dan permezz ta’ kont bankarju li kellu f’ismu f’Jersey u li fih suppost kienu qed jidħlu flus minn kirjiet ta’ proprjetajiet f’Londra. Huwa allegat li f’dan il-kont kienu jidħlu 20,000 sterlina kull xahar.
Wara dawn l-allegazzjonijiet, il-Kap Nazzjonalista ta' dak iż-żmien, Simon Busuttil qal li Delia kellu jiritra mill-elezzjoni minħabba dawk li kien sejjaħ akkużi serji u gravi fil-konfront ta' Delia.
Fl-allegazzjonijiet tagħha, Caruana Galizia qalet li l-ħlasijiet tal-kirjiet fil-kont bankarju ta’ Delia kienu fil-fatt flus li ġejjin mill-prostituzzjoni. Hu mifhum li l-flus ġew ittrasferiti f’isem Emmanuel Bajada, persuna assoċjata ma’ Delia.
Fl-2009, Bajada ammetta fil-qorti Maltija każ ħasil ta’ flus li ġejjin mill-prostituzzjoni. Jidher li l-flus kienu jiġu ddepożitati fil-kont tal-bank ta’ Delia f’Jersey minn mart Bajada. Caruana Galizia żiedet tallega li l-flus kienu se jinħaslu f’kont li ħu Bajada Eucharist kellu fil-Marshall Islands.
Delia ċaħad l-allegazzjonijiet u qal li ma kiser l-ebda liġi. Huwa irtira l-erba’ libelli li kien fetaħ lil Caruana Galizia wara li din inqatlet f'Ottubru 2017.
Riżenja
[immodifika | immodifika s-sors]Sa mill-bidu tat-tmexxija tiegħu, deher ċar li Delia ma kienx aċċettat minn numru kbir ta' membri parlamentari Nazzjonalisti li spiċċaw biex sfiduċjawh nhar is-7 ta' Lulju 2020. Ġimgħa wara, kien sfiduċjat ukoll mill-Eżekuttiv tal-Partit. Delia ried li kollox imur f'idejn it-tesserati.
Nhar it-3 ta' Ottubru 2020, wara telfa kbira fl-elezzjoni għall-Kap, Delia rriżenja. U nħatar bħala t-tmien Kap tal-Partit Bernard Grech b'maġġoranza ta' 69% mill-voti mixħuta mit-tesserati. Delia baqa' jżomm is-siġġu parlamentari tiegħu.
Ħajja Personali
[immodifika | immodifika s-sors]Huwa kien miżżewweġ lil Nickie Vella De Fremeaux u flimkien għandhom ħamest itfal; żewġt ibniet u tliet subien. Flimkien ma Cynthia Galea għandhom tifel.
Predeċessur Simon Busuttil |
Kap tal-Partit Nazzjonalista 2017–2020 |
Suċċessur |