Aqbeż għall-kontentut

Aleppo

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Din hija reviżjoni antika ta' din il-paġna, hekk kif ġiet modifikata minn Trigcly (diskussjoni | kontribuzzjonijiet) nhar 13:27, 8 Ottubru 2024. Din tista' tvarja mir-reviżjoni attwali.
(diff) ←Reviżjoni eqdem | Ara l-verżjoni attwali (diff) | Reviżjoni iġded→ (diff)
Aleppo
 Sirja
Amministrazzjoni
PajjiżSirja
Governorate of SyriaGovernorat ta' Aleppo
District of SyriaDistrett tal-Għolja ta' Xmun
Isem uffiċjali حلب
Ismijiet oriġinali ﺣَﻠَﺐ‎
Helep
Halep
ܚܠܒ
Ġeografija
Koordinati 36°12′N 37°10′E / 36.2°N 37.16°E / 36.2; 37.16Koordinati: 36°12′N 37°10′E / 36.2°N 37.16°E / 36.2; 37.16
Aleppo is located in Sirja
Aleppo
Aleppo
Aleppo (Sirja)
Superfiċjenti 190±1 kilometru kwadru
Għoli 379 m
Demografija
Popolazzjoni 2,003,671 abitanti (2021)
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni 5 millennium "BCE"
Kodiċi tat-telefon 021
Żona tal-Ħin UTC+2, Ħin tal-Lvant tal-Ewropau UTC+3
bliet ġemellati Lyon, Gaziantep, Brestu Osmangazi
aleppo.gov.sy

Aleppo (/əˈlɛpoʊ/ ə-LEP-oh; bl-Għarbi: ﺣَﻠَﺐ, ALA-LC: Ḥalab, IPA: [ˈħalab]) hija belt fis-Sirja, li sservi bħala l-belt kapitali tal-Governorat ta' Aleppo, l-iżjed governorat popolat tas-Sirja.[1] B'popolazzjoni stmata ta' 2,098,000 resident fl-2021,[2] Aleppo kienet l-ikbar belt tas-Sirja sakemm il-popolazzjoni tagħha nqabżet minn dik ta' Damasku, l-ikbar fost il-governorati tat-Tramuntana tas-Sirja kif ukoll waħda mill-ikbar bliet fir-reġjun tal-Lvant.[3][4]

Aleppo hija waħda mill-eqdem bliet kontinwament abitati fid-dinja; jaf kienet abitata diġà fis-sitt millenju Q.K. L-iskavi f'Tell as-Sawda u f'Tell al-Ansari, fin-Nofsinhar taċ-ċentru storiku ta' Aleppo, urew li ż-żona kienet okkupata mill-Amoriti sal-aħħar parti tat-tielet millenju Q.K.[5] Dak huwa wkoll iż-żmien meta Aleppo tissemma għall-ewwel darba fit-tavli bil-kitba kunejformi li nstabu f'Ebla u fil-Mesopotamja, li jiddeskrivuha bħala parti mill-istat Amorit ta' Yamhad, u jsemmu l-importanza kummerċjali u militari tagħha. L-istorja daqstant twila hija attribwita għall-pożizzjoni strateġika tal-belt bħala ċentru kummerċjali bejn il-Baħar Mediterran u l-Mesopotamja.

Għal sekli sħaħ, Aleppo kienet l-ikbar belt fir-reġjun Sirjan, u t-tielet l-ikbar tal-Imperu Ottoman wara Kostantinopli (issa Istanbul) u l-Kajr. L-importanza tal-belt fl-istorja hija dovuta wkoll għall-pożizzjoni tagħha f'tarf tat-Toroq tal-Ħarir, li kienu jgħaddu mill-Asja Ċentrali u mill-Mesopotamja. Meta ġie inawgurat il-Kanal ta' Suez fl-1869, il-biċċa l-kbira tal-kummerċ ġie ddevjat lejn il-baħar u bil-mod il-mod l-importanza ta' Aleppo bdiet tbatti. Mal-waqgħa tal-Imperu Ottoman wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, Aleppo tilfet il-periferija tat-Tramuntana tagħha li saret parti mit-Turkija moderna, kif ukoll il-Linja Ferrovjarja importanti ta' Bagdad li kienet tikkollegaha ma' Mosul. Fis-snin 40 tas-seklu 20, il-belt tilfet l-aċċess prinċipali tagħha għall-baħar, qrib Antakya u İskenderun, li wkoll saru parti mit-Turkija. Iż-żieda fl-importanza ta' Damasku fl-aħħar ftit deċennji kompliet taggrava s-sitwazzjoni. Dan id-deklin jaf għen biex iċ-ċentru storiku ta' Aleppo, l-arkitettura Medjevali tagħha u l-wirt tradizzjonali tagħha jiġu ppreservati. Il-belt rebħet it-titlu ta' Kapitali Iżlamika tal-Kultura fl-2006 u kellha mewġa ta' xogħlijiet ta' restawr ta' suċċess fl-attrazzjonijiet prinċipali tagħha. Il-Battalja ta' Aleppo (2012-2016) seħħet fil-belt matul il-Gwerra Ċivili Sirjana, u ħafna partijiet mill-belt ġarrbu qerda kbira.[6] Il-partijiet affettwati tal-belt attwalment qed jiġu rikostruwiti.[7][8] Huwa stmat li 31,000 ruħ inqatlu f'Aleppo matul il-kunflitt.[9]

Bosta lingwi moderni madwar id-dinja, inkluż il-Malti, jirreferu għall-belt bl-isem ta' Aleppo. Fil-qedem il-belt kienet magħrufa bħala Khalpe, Khalibon, u għall-Griegi u r-Rumani bħala Beroea (Βέροια).[10] Matul il-Kruċjati, u mill-ġdid matul il-Mandat għas-Sirja u l-Libanu tal-1923-1946, intuża l-isem ta' Alep. Aleppo tirrappreżenta l-verżjoni Taljanizzata ta' dan l-isem.

L-isem oriġinali tal-qedem, Ḥalab, għadu jintuża attwalment bħala l-isem Għarbi tal-belt, b'oriġini mhux magħrufa sew. Xi wħud ipproponew li Ḥalab tfisser "ħadid" jew "ram" bil-lingwa tal-Amoriti, peress li fl-inħawi kien hemm sors ewlieni ta' dawn il-metalli fil-qedem.[11] Possibbiltà oħra hi li Ḥalab tfisser "abjad", peress li din hija l-kelma għal dak il-kulur bl-Aramajk. Din l-interpretazzjoni jaf tispjega kif Ḥalab saret il-kelma Ebrajka għal "ħalib" jew bil-kontra, kif ukoll toffri spjegazzjoni plawżibbli għal-laqam attwali tal-belt bl-Għarbi, al-Shahbāʾ (bl-Għarbi: الشهباء), li jfisser "ta' lewn abjad imħallat bl-iswed" u allegatament dan oriġina mill-irħam abjad li jinstab f'Aleppo.[12]

Skont etimoloġija folkloristika marbuta mar-rabbi tas-seklu 12 W.K. Pethahiah ta' Regensburg u mal-vjaġġatur Berberu Ibn Battuta, l-isem oriġina mill-Ebrajk: חלב, litteralment "ħalib", jew mill-Għarbi: ḥaleb, bl-istess tifsira, peress li Abram ħeleb in-nagħaġ tiegħu hemmhekk biex jitma lill-foqra.[13]

Mis-seklu 11 kienet użanza komuni tar-rabbi li jintuża t-terminu "Aram-Zobah" għall-inħawi ta' Aleppo, u bosta Lhud Sirjani għadhom jużaw dan it-terminu.

Perjodu preistoriku u preklassiku

[immodifika | immodifika s-sors]
Iċ-ċentru storiku ta' Aleppo.

Aleppo bil-kemm intmisset mill-arkeologi, peress li l-belt moderna tokkupa s-sit tal-belt tal-qedem. L-iżjed okkupazzjoni bikrija tas-sit kienet għall-ħabta tal-5,000 Q.K., kif ħareġ fid-dieher mill-iskavi f'Tallet Alsauda.

Aleppo tfeġġ fir-rekords storiċi bħala belt importanti ferm qabel Damasku. L-ewwel rekord ta' Aleppo jmur lura għat-tielet millenju Q.K., fit-tavli ta' Ebla meta ssir referenza għal Aleppo bħala Ha-lam (𒄩𒇴). Xi storiċi, bħal Wayne Horowitz, jidentifikaw lil Aleppo mal-belt kapitali ta' renju indipendenti marbut mill-qrib ma' Ebla, magħruf bħala Armi, għalkemm din l-identifikazzjoni hija kkontestata. It-tempju prinċipali tal-alla tat-tempesti Hadad kien jinsab fuq l-għolja taċ-ċittadella fiċ-ċentru tal-belt, meta l-belt kienet magħrufa bħala l-belt ta' Hadad.[14]

Naram-Sin ta' Akkad semma li qered lil Ebla u lil Armanum fis-seklu 23 Q.K. Madankollu, l-identifikazzjoni ta' Armani fil-kitba mnaqqxa ta' Naram-Sim bħala Armi fit-tavli ta' Ebla hija kkontestata ferm, peress li ma kien hemm l-ebda annessjoni Akkadjana ta' Ebla jew tat-Tramuntana tas-Sirja.

Fil-perjodu tal-Imperu Babiloniż u tal-Imperu Assirjan tal-qedem, isem Aleppo jidher fil-forma oriġinali tiegħu bħala Ḥalab (Ḥalba) għall-ewwel darba. Aleppo kienet il-belt kapitali tad-dinastija Amorita importanti ta' Yamḥad. Ir-renju ta' Yamḥad (għall-ħabta tal-1800-1525 Q.K.), magħruf ukoll bħala "l-art ta' Ḥalab", kien wieħed mill-iżjed setgħana fil-Lvant Qarib matul ir-renju ta' Yarim-Lim I, li fforma alleanza ma' Hammurabi tal-Babilonja kontra Shamshi-Adad I tal-Assirja.

Perjodu tal-Ittiti

[immodifika | immodifika s-sors]
It-Tempju ta' Hadad fi ħdan iċ-Ċittadella ta' Aleppo.

Yamḥad ġiet devastata mill-Ittiti taħt Mursili I fis-seklu 16 Q.K. Madankollu, wara ftit reġa' kellha rwol minn ta' quddiem fil-Lvant, meta l-poter tal-Ittiti fir-reġjun batta minħabba taqbid intern.

Baratarna, ir-re tar-renju tal-Urri ta' Mitanni, ħa vantaġġ minn din is-sitwazzjoni fir-reġjun, u ħeġġeġ ribelljoni li temmet ħajjet l-aħħar re ta' Yamhad, Ilim-Ilimma I, għall-ħabta tal-1525 Q.K. Sussegwentement, Parshatatar ħakem lil Aleppo u l-belt sabet ruħha qalb taqbida bejn il-Mitanni, l-Ittiti u l-Eġittu. Niqmepa ta' Alalakh, b'dixxendenza mir-rejiet ta' Yamhad tal-qedem, ikkontrolla l-belt bħala vassall ta' Mitanni u ġie attakkat minn Tudhaliya I tal-Ittiti bħala ritaljazzjoni għall-alleanza tiegħu ma' Mitanni. Iktar 'il quddiem, ir-re tal-Ittiti, Suppiluliumas I, rebaħ b'mod permanenti kontra Mitanni, u ħakem lil Aleppo fis-seklu 14 Q.K. Suppiluliumas poġġa lil ibnu Telepinus bħala r-re u dinastija ta' dixxendenti ta' Suppiluliumas irrenjaw f'Aleppo sal-waqgħa tagħhom fi Żmien il-Bronż Aħħari. Madankollu, Talmi-Šarruma, in-neputi ta' Suppiluliumas I, li kien ir-re ta' Aleppo, iġġieled favur l-Ittiti, flimkien mar-re Muwatalli II, matul il-Battalja ta' Kadesh kontra l-armata Eġizzjana mmexxija minn Ramses II.

Il-Moskea ta' Al-Qaiqan oriġinarjament kienet tempju pagan tal-Ittiti fi żmien il-qedem; barra minn hekk, hemm blokka tal-ġebel b'ġeroglifiċi tal-Anatolja fil-ħajt tan-Nofsinhar.

Aleppo kellha importanza għall-Ittiti bħala ċ-ċentru tal-qima tal-alla tat-tempesti. Din l-importanza reliġjuża kompliet wara l-waqgħa tal-Imperu tal-Ittiti kontra l-Assirjani u l-Friġjani fis-seklu 12 Q.K., meta Aleppo saret parti mill-Imperu Assirjan Nofsani, u meta r-re wettaq ir-rinnovazzjoni tat-tempju ta' Hadad li ġie skopert fl-2003.

Fl-2003 ġiet skoperta statwa ta' re jismu Taita b'kitbiet imnaqqxa bil-Luwjan, matul l-iskavi mwettqa mill-arkeologu Ġermaniż Kay Kohlmeyer fiċ-Ċittadella ta' Aleppo. L-interpretazzjonijiet il-ġodda tal-ġeroglifiċi tal-Anatolja proposti mill-Ittitologi Elisabeth Rieken u Ilya Yakubovich wasslu għall-konklużjoni li l-pajjiż immexxi minn Taita kien jismu Palistin. Dan il-pajjiż fis-sekli 11-10 Q.K. kien estiż mill-Wied ta' Amouq fil-Punent ta' Aleppo sal-Lvant lejn Maharda u lejn Shaizar fin-Nofsinhar. Minħabba x-xebħ bejn Palistin u Philistines, l-Ittitologu John David Hawkins (li ttraduċa l-kitbiet imnaqqxa ta' Aleppo) ħareġ bl-ipoteżi ta' rabta bejn l-istati Siro-Ittiti ta' Palistin u ta' Philistines, l-istess bħall-arkeologi Benjamin Sass u Kay Kohlmeyer. Gershon Galil jissuġġerixxi li r-Re David waqqaf l-espansjoni tal-Aramajċi fl-Art ta' Iżrael bis-saħħa tal-alleanza li kellu mar-rejiet Filistej tan-Nofsinhar, kif ukoll ma' Toi, ir-re ta' Ḥamath, li ġie identifikat ma' Tai(ta) II, ir-re ta' Palistin (il-popli tal-baħar tat-Tramuntana).

Stat ta' Bit Agusi

[immodifika | immodifika s-sors]

Matul is-snin bikrin tal-ewwel millenju Q.K., Aleppo ġiet inkorporata fir-renju Aramajk ta' Bit Agusi, bil-belt kapitali ta' Arpad. Bit Agusi flimkien ma' Aleppo u l-Lvant kollu nħakmu mill-Assirjani fis-seklu 8 Q.K. u saru parti mill-Imperu Neo-Assirjan matul ir-renju ta' Tiglath-Pileser III sal-aħħar tas-seklu 7 Q.K., qabel ma għaddew għand in-Neo-Babiloniżi u l-Persjani Akemenidi. Matul dawn il-perjodi, ir-reġjun baqa' magħruf bħala Aramea u Eber Nari.

Antikità klassika (Beroea)

[immodifika | immodifika s-sors]
Beroea kif muri fit-Tabula Peutingeriana.

Alessandru Manju ħataf il-belt fit-333 Q.K. Seleucus Nicator stabbilixxa insedjament Elleniku fis-sit bejn it-301 u l-286 Q.K. u semmih Beroea (Βέροια), f'ġieħ Beroea fil-Maċedonja; xi kultant jiġi spellut bħala Beroia. Beroea tissemma f'1 Macc. 9:4.

It-Tramuntana tas-Sirja kienet iċ-ċentru tal-gravità tal-attività ta' kolonizzazzjoni Ellenistika, u għaldaqstant tal-kultura Ellenistika fl-Imperu tas-Selewċidi. L-istess bħal bliet Ellenizzati oħra tar-renju tas-Selewċidi, x'aktarx li Beroea gawdiet minn livell ta' awtonomija lokali, b'assemblea ċivika lokali jew boulē magħmula minn Elleniċi ħielsa.

Il-fdalijiet tal-bażilika Maronita f'Barad.

Beroea baqgħet taħt is-Selewċidi sat-88 Q.K. meta s-Sirja nħakmet mir-re Armen Tigranes il-Kbir u Beroea saret parti mir-Renju tal-Armenja. Wara r-rebħa Rumana kontra Tigranes, is-Sirja għaddiet għand Pompeo fl-64 Q.K., u saret provinċja Rumana. Il-preżenza ta' Ruma offriet stabbiltà relattiva lit-Tramuntana tas-Sirja għal iktar minn tliet sekli. Għalkemm il-provinċja kienet amministrata minn legat minn Ruma, Ruma ma imponietx l-organizzazzjoni amministrattiva tagħha fuq il-klassi mexxejja li kienet titkellem bil-Grieg jew fuq il-popolin li kienu jitkellmu bl-Aramajk.

Il-perjodu Ruman wassal għal żieda fil-popolazzjoni tat-Tramuntana tas-Sirja li aċċellerat taħt il-Biżantini fis-seklu 5. Fi Żmien il-Qedem Aħħari, Beroea kienet it-tieni l-ikbar belt Sirjana wara Antjokja, il-belt kapitali tas-Sirja Rumana u t-tielet l-ikbar belt fid-dinja Rumana. L-evidenza arkeoloġika tindika densità għolja fil-popolazzjoni għall-insedjamenti bejn Antjokja u Beroea sas-seklu 6. Dan il-pajsaġġ agrarju għadu jħaddan il-fdalijiet ta' vilel kbar u ta' knejjes bħall-Knisja ta' San Xmun Stilites.

Storja ekkleżjastika

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Moskea ta' Abram fiċ-Ċittadella ta' Aleppo, li oriġinarjament kienet inbniet mill-Biżantini bħala knisja.

L-ismijiet ta' diversi isqfijiet tas-sede episkopali ta' Beroea, li kienet fil-provinċja Rumana ta' Syria Prima, ġew irreġistrati f'għadd ta' dokumenti eżistenti. L-ewwel isem li wasal sa żminijietna huwa dak ta' San Ewstażju ta' Antjokja, li wara li kien l-isqof ta' Beroea, ġie ttrasferit lejn is-sede metropolitana importanti ta' Antjokja ftit qabel l-Ewwel Kunsill ta' Niċea tat-325. Is-suċċessur tiegħu f'Beroea, Ċiru, minħabba l-lealtà tiegħu lejn il-fidi ta' Niċea, intbagħat f'eżilju mill-Imperatur Ruman Kostanzju II. Wara l-Kunsill ta' Selewċja tat-359, imsejjaħ minn Kostanzju, Melezju ta' Antjokja ġie ttrasferit minn Sebastea lejn Beroea iżda s-sena ta' wara ġie promoss lejn Antjokja. Is-suċċessur tiegħu f'Beroea, Anatolju, kien preżenti fil-Kunsill ta' Antjokja fit-363. Taħt il-persegwitazzjoni tal-Imperatur Valens, l-isqof ta' Beroea kien Teodotu, ħabib ta' Bażilju l-Kbir. Warajh laħaq Akaċju ta' Beroea, li mexxa s-sede għal iktar minn 50 sena u kien preżenti fl-Ewwel Kunsill ta' Kostantinopli fit-381 u fil-Kunsill ta' Efesu fl-431. Fl-438 laħaq warajh Teoctistus, li ħa sehem fil-Kunsill ta' Chalcedon fl-451 u li kien firmatarju tal-ittra konġunta li l-isqfijiet tal-provinċja ta' Syria Prima bagħtu fl-458 lill-Imperatur Leo I ta' Traċja dwar il-qtil ta' Proterju ta' Lixandra. Fil-518, l-Imperatur Justin I eżilja lill-isqof ta' Beroea Antoninus talli rrifjuta l-Kunsill ta' Chalcedon. L-aħħar isqof magħruf tas-sede kien Megas, li kien preżenti fis-sinodu msejjaħ mill-Patriarka Menas ta' Kostantinopli fil-536. Wara l-ħakma tal-Għarab, Beroea ma baqgħetx veskovat residenzjali, u llum il-ġurnata hija elenkata mill-Knisja Kattolika Rumana bħala sede titolari.

Ma tantx instabu fdalijiet fiżiċi minn Żmien ir-Rumani u l-Biżantini fiċ-Ċittadella ta' Aleppo. Huwa magħruf li ż-żewġ moskej fi ħdan iċ-Ċittadella ġew ikkonvertiti mill-Mirdasidi matul is-seklu 11, għaliex qabel kienu knejjes li nbnew oriġinarjament mill-Biżantini.

Perjodu Medjevali

[immodifika | immodifika s-sors]

Perjodu Iżlamiku Bikri

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-ħitan antiki ta' Aleppo u d-Daħla ta' Qinnasrin li ġew irrestawrati fl-1256 minn An-Nasir Yusuf.

Il-Persjani Sassanidi mmexxija mir-Re Khosrow I serqu r-rikkezzi ta' Aleppo u tawha n-nar fil-540, u mbagħad invadew u kkontrollaw is-Sirja għal żmien qasir fil-bidu tas-seklu 7. Ftit wara, Aleppo ttieħdet mill-Musulmani taħt Abu Ubaidah ibn al-Jarrah fis-637. Iktar 'il quddiem saret parti minn Jund Qinnasrin taħt il-Kaliffat tal-Umajjad. Fid-944 il-belt saret is-sede ta' emirat indipendenti taħt il-prinċep Ħamdanid al-Dawla, u gawdiet perjodu ta' prosperità kbira. F'dan il-perjodu twieled il-poeta al-Mutanabbi u l-filosfu u l-intellettwali al-Farabi. Fid-962 il-belt insterqulha r-rikkezzi tagħha mill-Ġeneral Biżantin Nicophorus Phocas. Sussegwentement, il-belt u l-emirat tagħha saru vassall temporanju tal-Imperu Biżantin. Għall-ftit deċennji ta' wara, il-belt ġiet ikkontestata mill-Kaliffat tal-Fatimidi u mill-Imperu Biżantin, u bejniethom anke mill-Ħamdanidi indipendenti nominalment, u eventwalment intrebħet mill-Fatimidi fl-1017. Fl-1024, Salih ibn Mirdas vara attakk fuq Aleppo Fatimida, u wara ftit xhur ġie mistieden fil-belt mill-popolazzjoni tagħha.

Perjodu tas-Seljuk u tal-Ajjubidi

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-aħħar tal-1077, l-emir Seljuk Tutush I vara kampanja militari biex jaħtaf lil Aleppo matul ir-renju ta' Sabiq ibn Mahmud tad-dinastija Mirdasida, li damet sal-1080, meta r-rinforzi tiegħu ġew imqarrqa u mirbuħa minn koalizzjoni ta' membri tat-tribujiet Għarab immexxija mill-kap tal-Kilabi Abu Za'ida f'Wadi Butnan. Wara l-mewt ta' Sharaf al-Dawla tad-dinastija Uqajlida f'Ġunju 1085, il-kap f'Aleppo Sharif Hassan ibn Hibat Allah Al-Hutayti wiegħed li jarrendi u jagħti l-belt lil Tutush, iżda mbagħad irrifjuta li jagħmel dan u kiteb lis-Sultan Malik-Shah I biex joffrilu li jċedi l-belt lilu minflok. Tutush attakka u okkupa l-belt kollha għajr iċ-ċittadell f'Mejju 1086, qagħad hemmhekk sa Ottubru u telaq lejn Damasku minħabba li l-armati ta' Malik-Shah kienu avvanzaw ġmielhom, u s-Sultan innifsu wasal hemmhekk f'Diċembru 1086. Fl-1087, Aq Sunqur al-Hajib sar il-gvernatur Seljuk ta' Aleppo taħt is-Sultan Malik Shah I.

Il-belt ġiet assedjata mill-ġellieda tal-Kruċjati mmexxija mir-Re ta' Ġerusalemm Baldwin II fl-1124-1125, iżda ma nħakmitx wara li ngħatat il-protezzjoni mill-forzi ta' Aqsunqur al Bursuqi li waslu minn Mosul f'Jannar 1125.

Fl-1128 Aleppo saret il-belt kapitali tad-dinastija Zengid li baqgħet tespandi u li fl-aħħar mill-aħħar ħakmet lil Damasku fl-1154. Fl-1138, l-Imperatur Biżantin Ġwanni II Komnenos mexxa kampanja militari, bl-għan prinċipali li jaħtaf il-belt ta' Aleppo. Fl-20 ta' April 1138, l-armata Kristjana flimkien mal-ġellieda tal-Kruċjati minn Antjokja u minn Edessa varaw attakk fuq il-belt iżda sabuha difiża sew wisq, u għaldaqstant Ġwanni II mexxa l-armata lejn in-Nofsinhar biex jieħu l-fortizzi fil-qrib. Fil-11 ta' Ottubru 1138, terremot kbir heżżeż il-belt u l-inħawi tal-madwar. Għalkemm l-istimi minn dak iż-żmien ma tantx huma affidabbli, huwa maħsub li mietu 230,000 ruħ, u b'hekk dak kien is-seba' l-iżjed terremot li mietu nies fih fl-istorja.

Fl-1183, Aleppo sfat taħt il-kontroll ta' Saladin u mbagħad tad-dinastija Ajjubida. Meta l-Ajjubidi ġarrbu telfa fl-Eġittu kontra l-Mamluk, l-emir Ajjubid ta' Aleppo An-Nasir Yusuf sar is-sultan tal-bqija tal-Imperu Ajjubid. Huwa rrenja fis-Sirja mis-sede tiegħu f'Aleppo, sa ma l-belt ittieħdet mill-Mongoli fl-24 ta' Jannar 1260 taħt Hulagu f'alleanza mal-vassalli tagħhom, il-kavallieri Franki tal-mexxej ta' Antijokja Bohemond VI u missieru tar-rispett il-mexxej Armen Hethum I. Il-belt ma kinitx difiża sew minn Turanshah, u b'hekk il-fortifikazzjonijiet tagħha kellhom iċedu wara sitt ijiem ta' assedju, u ċ-ċittadella kellha ċċedi erba' ġimgħa wara. Il-popolazzjoni Musulmana ġiet massakrata u nqatlu wkoll bosta Lhud, filwaqt li l-popolazzjoni Kristjana ħelsitha ħafif. Turanshah ingħata rispett mhux tas-soltu mill-Mongoli, u tħalla jgħix minħabba l-età u l-qlubija tiegħu. Imbagħad il-belt ingħatat lill-eks emir ta' Homs, al-Ashraf, u fil-belt ġie stabbilit gwarniġjon tal-Mongoli. Ftit mir-rikkezzi ngħataw ukoll lil Hethum I tal-assistenza tiegħu fl-attakk. Imbagħad l-Armata tal-Mongoli baqgħet sejra lejn Damasku, li arrendiet, u l-Mongoli daħlu fil-belt fl-1 ta' Marzu 1260.

Perjodu tal-Mamluk

[immodifika | immodifika s-sors]
Is-Suq ta' az-Zirb, fejn kienu jiġu zzekkati l-muniti fil-perjodu tal-Mamluk.

F'Settembru 1260, il-Mamluk Eġizzjani nnegozjaw għal trattat mal-Franki ta' Acre li ppermettielhom jgħaddu mit-territorju tal-ġellieda tal-Kruċjati mingħajr problemi, u involvew il-Mongoli fil-Battalja ta' Ain Jalut fit-3 ta' Settembru 1260. Il-Mamluk rebħu rebħa deċiżiva, qatlu l-Ġeneral Kristjan Nestorjan tal-Mongoli Kitbuqa, u ħamest ijiem wara reġgħu ħadu lil Damasku f'idejhom. Aleppo ġiet irkuprata mill-Musulmani fi żmien xahar, u tqiegħed gvernatur tal-Mamluk biex jiggverna l-belt. Hulagu bagħat truppi biex jipprova jirkupra l-belt ta' Aleppo f'Diċembru. Dawn irnexxielhom jimmassakraw għadd kbir ta' Musulmani b'ritaljazzjoni għall-mewt ta' Kitbuqa, iżda wara ħmistax ma setgħu jagħmlu ebda progress ieħor u kellhom jirtiraw.

Il-gvernatur tal-Mamluk fil-belt ma baqax jobdi l-awtorità ċentrali tal-Mamluk fil-Kajr, u fil-ħarifa tal-1261 il-mexxej tal-Mamluk Baibars bagħat armata biex jerġa' jieħu l-kontroll tal-belt. F'Ottubru 1271, il-Mongoli mmexxija mill-Ġeneral Samagar reġgħu ħadu l-belt, u attakkaw b'10,000 rikkieb taż-żwiemel mill-Anatolja, u rebħu kontra t-truppi Turkmeni li kienu qed jiddefendu l-belt ta' Aleppo. Il-gwarniġjoni tal-Mamluk ħarbu lejn Hama, sakemm Baibars reġa' ġie fit-Tramuntana mal-armata prinċipali tiegħu, u l-Mongoli rtiraw.

Il-Moskea ta' Al-Otrush tal-perjodu tal-Mamluk.

Fl-20 ta' Ottubru 1280, il-Mongoli reġgħu ħadu l-belt, u serqu r-rikkezzi mis-swieq u taw in-nar lill-moskej. L-abitanti Musulmani ħarbu lejn Damasku, fejn il-mexxej tal-Mamluk Qalawun organizza l-qawwiet tiegħu. Meta l-armata tiegħu avvanzat wara t-Tieni Battalja ta' Homs f'Ottubru 1281, il-Mongoli reġgħu rtiraw, lura fuq in-naħa l-oħra tax-xmara Ewfrate. F'Ottubru 1299, Ghazan ħataf il-belt, flimkien mal-vassall tiegħu, ir-Re Armen Hethum II, li fost il-qawwiet tiegħu kellu xi Templari u xi Kavallieri Ospitalieri.

Fl-1400, il-mexxej Mongolu-Tork Tamerlane ħataf il-belt mill-ġdid mingħand il-Mamluk. Huwa massakra bosta abitanti, u ordna li jinbena torri ta' 20,000 kranju barra mill-belt. Wara li l-Mongoli rtiraw, il-popolazzjoni Musulmana kollha reġgħet lura f'Aleppo. Min-naħa l-oħra, il-Kristjani li telqu mill-belt matul l-invażjoni tal-Mongoli, ma setgħux jiġu lura fil-kwartier li kellhom fiċ-ċentru storiku tal-belt, u b'hekk stabbilew kwartier ieħor ġdid fl-1420, li nbena fis-subborgi tat-Tramuntana ta' Aleppo barra mis-swar tal-belt, u li sar magħruf bħala l-kwartier ta' al-Jdeydeh (bl-Għarbi: جديدة, litteralment "distrett ġdid").

Perjodu Ottoman

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Moskea ta' Khusruwiyah tal-perjodu Ottoman bikri.

Aleppo saret parti mill-Imperu Ottoman fl-1516 bħala parti mit-tkabbir enormi tal-fruniteri Ottomani matul ir-renju ta' Selim I. Il-belt imbagħad kellha madwar 50,000 abitant, jew 11,224 unità domestika skont ċensiment Ottoman. Kienet iċ-ċentru tal-Eyalet ta' Aleppo; il-bqija ta' dik li iktar 'il quddiem saret is-Sirja kienet tagħmel parti mill-eyalets ta' Damasku, ta' Tripoli, ta' Sidon jew ta' Raqqa. Wara r-riforma provinċjali Ottomana tal-1864, Aleppo saret iċ-ċentru tal-Vilayet ġdid ta' Aleppo fl-1866.

L-agrikoltura ta' Aleppo kienet żviluppata sew matul il-perjodu Ottoman. L-iskavi arkeoloġiċi żvelaw imtieħen tal-ilma fil-baċir tax-xmara tal-belt. Sors kontemporanju Ċiniż jissuġġerixxi wkoll li fil-perjodu Ottoman Aleppo kellha sistema żviluppata sew tat-tnissil u tat-trobbija tal-annimali.

Ritratt tal-1842 ta' Joseph-Philibert Girault de Prangey (l-iżjed ritratt antik tal-belt).

Barra minn hekk, bis-saħħa tal-pożizzjoni ġeografika strateġika tagħha tul ir-rotta kummerċjali bejn l-Anatolja u l-Lvant, Aleppo saret prominenti ħafna matul il-perjodu Ottoman, u darba minnhom fl-imperu kollu Kostantinopli biss kienet taqbiżha. Sa nofs is-seklu 16, Aleppo kienet ħadet post Damasku bħala s-suq prinċipali għall-merkanzija ġejja lejn ir-reġjun Mediterran mil-Lvant. Dan huwa rifless mill-fatt li l-Kumpanija tal-Lvant ta' Londra (Levant Company of London), kumpanija kummerċjali konġunta stabbilita fl-1581 għall-monopolju tal-kummerċ tal-Ingilterra mal-Imperu Ottoman, qatt ma ppruvat tagħmel kummerċ ma' xi aġent f'Damasku, minkejja li kellha l-permess li tagħmel dan. Il-kwartieri ġenerali tal-kumpanija kienu f'Aleppo sal-aħħar tas-seklu 18.

Bħala riżultat tal-iżvilupp ekonomiku, bosta stati Ewropej fetħu konsolati f'Aleppo matul is-sekli 16 u 17, bħall-konsolat tar-Repubblika ta' Venezja fl-1548, il-konsolat ta' Franza fl-1562, il-konsolat tal-Ingilterra fl-1583 u l-konsolat tan-Netherlands fl-1613. Il-komunità Armena ta' Aleppo saret prominenti wkoll f'dan il-perjodu bis-saħħa tal-kummerċ tagħha fil-belt u żviluppat il-kwartier il-ġdid ta' Judayda.

Khan al-Shouneh, li jmur lura għall-1546.

Madankollu, il-prosperità li Aleppo esperjenzat fis-sekli 16 u 17 bdiet tmajna peress li l-produzzjoni tal-ħarir fl-Iran battiet wara l-waqgħa tad-dinastija Safavida fl-1722. Sa nofs is-seklu, il-karovani ma baqgħux iġibu iktar ħarir mill-Iran lejn Aleppo, u l-produzzjoni Sirjana lokali ma kinitx biżżejjed biex tlaħħaq mad-domanda tal-Ewropa. Il-merkanti Ewropej telqu minn Aleppo u l-belt qabdet it-triq tan-niżla ekonomikament sa nofs is-seklu 19, meta l-qoton u t-tabakk prodotti lokalment saru l-prodotti bażiċi prinċipali ta' interess għall-Ewropej. Skont Halil İnalcık, "Aleppo... għaddiet mill-agħar diżastru tagħha bil-qerda tal-villaġġi tal-produzzjoni tagħha kkawżata mill-attakki tal-Bedwini fl-aħħar snin tas-seklu, li ġabu magħhom perjodu twil ta' ġuħ li sal-1798 qatel nofs l-abitanti tagħha".

L-ekonomija ta' Aleppo ntlaqtet ħażin mill-ftuħ tal-Kanal ta' Suez fl-1869. Dan, flimkien man-nuqqas ta' stabbiltà politika wara l-implimentazzjoni ta' riformi sinifikanti fl-1841 mill-gvern ċentrali, ikkontribwixxa għad-deklin ta' Aleppo u l-istabbiliment ta' Damasku bħala kompetitur ekonomiku u politiku serju ta' Aleppo. Minkejja dan, il-belt baqa' jkollha rwol ekonomiku importanti u bidlet l-enfasi kummerċjali tagħha mill-kummerċ tal-karovani fuq distanzi twal għal kummerċ iktar reġjonali tal-prodotti agrikoli u tas-suf. F'dan il-perjodu kien hemm ukoll l-immigrazzjoni ta' diversi familji "tal-Lvant" (ta' oriġini Ewropea) li ddominaw il-kummerċ internazzjonali. It-tribunal kummerċjali mħallat ta' Aleppo (ticaret mahkamesi), wieħed minn tal-bidu fl-Imperu Ottoman, ġie stabbilit għall-ħabta tal-1855.

Aleppo fl-1690.

Fl-1606 issir referenza għall-belt minn William Shakespeare f'Macbeth. Is-sħaħar jittormentaw il-kaptan tal-vapur Tiger, li kien qed ibaħħar lejn Aleppo mill-Ingilterra u wettaq vjaġġ ta' 567 jum qabel ma reġa' lura l-port mingħajr suċċess. Issir referenza għall-belt minn Shakespeare f'Othello meta Othello jlissen il-kliem finali tiegħu (l-Att V, ii, 349f.). Il-kappillan navali Ingliż Henry Teonge fid-djarju tiegħu jiddeskrivi żjara li għamel fil-belt fl-1675, meta kien hemm kolonja ta' merkanti tal-Punent tal-Ewropa jgħixu hemmhekk.

Il-belt baqgħet Ottomana sal-waqgħa tal-imperu, iżda okkażjonalment kienet mifnija minn ġlied intern kif ukoll minn tifqigħat tal-kolera mill-1823. Madwar 20-25 fil-mija tal-popolazzjoni mietu bil-pesta fl-1827. Fl-1850, grupp Musulman attakka l-kwartieri Kristjani, u għexieren ta' Kristjani nqatlu u diversi knejjes insterqu. Għalkemm dan l-avveniment ġie deskritt bħala li tmexxa skont prinċipji purament ta' differenzi reliġjużi, Bruce Masters isosni li tali analiżi ta' dan il-perjodu ta' vjolenza huwa superfiċjali wisq u jinjora t-tensjonijiet li kienu jeżistu fost il-popolazzjoni minħabba l-vantaġġi kummerċjali mogħtija lil ċerti minoranzi Kristjani bis-saħħa tar-Riformi ta' Tanzimat matul dan iż-żmien, li kellhom rwol kbir fil-ħolqien tal-antagoniżmu bejn gruppi ta' Musulmani u ta' Kristjani, li qabel kienu jikkooperaw, fil-kwartieri tal-Lvant tal-belt. Ir-ribelli fost il-Ġannizziera (membri tal-fanterija Ottomana) stabbilew il-gvern tagħhom stess meta l-gvernatur Ottoman ħarab. L-Ottomani reġgħu ħadu l-kontroll tal-belt ġimgħat wara u qatlu xi 5,000 ruħ. Sal-1901, il-popolazzjoni tal-belt kienet tammonta għal madwar 110,000 ruħ.

Il-villa Orjentali tas-seklu 17 ta' Beit Ghazaleh.

F'Ottubru 1918, Aleppo nħatfet mill-qawwiet tal-Prinċep Feisal u mill-Ħames Diviżjoni tal-Kavallerija tal-forzi alleati mill-Imperu Ottoman matul l-Ewwel Gwerra Dinjija. Fi tmiem il-gwerra, it-Trattat ta' Sèvres wassal biex il-biċċa l-kbira tal-Provinċja ta' Aleppo ssir parti min-nazzjon il-ġdid tas-Sirja, filwaqt li ġie mwiegħed minn Franza li Cilicia kellha ssir stat Armen. Madankollu, Kemal Atatürk annetta l-biċċa l-kbira tal-Provinċja ta' Aleppo kif ukoll Cilicia mat-Turkija fil-Gwerra tal-Indipendenza tiegħu. Ir-residenti Għarab fil-provinċja (kif ukoll il-Kurdi) appoġġaw lit-Torok f'din il-gwerra kontra l-Franċiżi, inkluż il-mexxej tar-Rewwixta ta' Hananu, Ibrahim Hananu, li kkoordina direttament ma' Atatürk u rċieva l-armi mingħandu. Madankollu, l-eżitu kien diżastruż għal Aleppo, għaliex skont it-Trattat ta' Lausanne, il-biċċa l-kbira tal-Provinċja ta' Aleppo saret parti mit-Turkija, bl-eċċezzjoni ta' Aleppo u Alexandretta; għaldaqstant, Aleppo nqatgħet mill-bliet fit-Tramuntana tagħha u mill-bliet tal-Anatolja iktar lil hinn, li fuqhom Aleppo kienet tiddependi ferm għall-kummerċ. Barra minn hekk, id-diviżjoni ta' Sykes-Picot fil-Lvant Qarib isseparat lil Aleppo mill-biċċa l-kbira tal-Mesopotamja, li wkoll tat daqqa ta' ħarta lill-ekonomija ta' Aleppo.

Mandat Franċiż

[immodifika | immodifika s-sors]
Triq ta' Qalayet al-Mawarina fil-kwartier Kristjan ta' Jdeydeh, li tmur lura għall-bidu tas-seklu 17.

L-Istat ta' Aleppo ġie ddikjara mill-Ġeneral Franċiż Henri Gouraud f'Settembru 1920 bħala parti minn pjan Franċiż biex is-Sirja tkun tista' tiġi amministrata iktar faċilment billi tinqasam f'diversi stati iżgħar. Franza saret iktar imħassba dwar l-idea ta' Sirja magħquda wara l-Battalja ta' Maysaloun.

Billi ssepara lil Aleppo minn Damasku, Gouraud ried jikkapitalizza fuq stat tradizzjonali ta' kompetizzjoni bejn iż-żewġ bliet u jsarrafha f'diviżjoni politika. Il-popolazzjoni ta' Aleppo ma kinitx kuntenta bil-fatt li Damasku ntgħażlet bħala l-belt kapitali għan-nazzjon il-ġdid tas-Sirja. Gouraud ħass dan is-sentiment u pprova jindirizzah billi għamel lil Aleppo l-belt kapitali ta' stat kbir u iktar għani li miegħu Damasku diffiċilment setgħet tikkompeti. L-Istat ta' Aleppo kif imfassal minn Franza kien jinkludi l-biċċa l-kbira taż-żona għammiela tas-Sirja: il-pajsaġġ għammiel ta' Aleppo flimkien mal-baċir għammiel kollu tax-xmara Ewfrate. L-Istat kellu aċċess ukoll għall-baħar permezz tas-Sanjak awtonomu ta' Alexandretta. Min-naħa l-oħra, Damasku, li bażikament kienet oażi fit-tarf tad-Deżert Sirjan, la kellha biżżejjed art għammiela u lanqas aċċess għall-baħar. Fi ftit kliem, Gouraud ried jissodisfa lil Aleppo billi jagħtiha l-kontroll fuq il-biċċa l-kbira tal-ġid agrikolu u minerali tas-Sirja, biex qatt ma tkun trid terġa' tingħaqad ma' Damasku.

Is-swar u ċ-ċittadella ta' Aleppo fl-1850.

Ir-riżorsi ekonomiċi limitati tal-istati Sirjani wasslet biex l-għażla ta' stati kompletament indipendenti ma tkun vijabbli għal Franza, peress li setgħet twassal għar-riżultat oppost, jiġifieri li l-istati jisfaxxaw u jerġa' jkun hemm l-unità. Għalhekk, Franza pproponiet l-idea ta' federazzjoni Sirjana li twettqet fl-1923. Inizjalment, Gouraud ried li jkun hemm federazzjoni li tinkludi l-istati kollha, saħansitra l-Libanu. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar tliet stati biss ipparteċipaw: Aleppo, Damasku u l-Istat Alawit. Il-belt kapitali tal-federazzjoni għall-ewwel kienet Aleppo, iżda mbagħad ġiet rilokata għal Damasku. Il-President tal-federazzjoni kien Subhi Barakat, politiku mwieled f'Antijokja u li għex f'Aleppo.

Il-federazzjoni ntemmet f'Diċembru 1924, meta Franza għaqdet lil Aleppo u Damasku fi Stat Sirjan uniku u reġgħet isseparat lill-Istat Alawit. Din l-azzjoni seħħet wara li l-federazzjoni ddeċidiet tgħaqqad it-tliet stati federati fi stat wieħed u li tieħu passi biex tħeġġeġ l-indipendenza finanzjarja tas-Sirja, passi li skont Franza kienu żżejjed.

Il-Ġeneral Gouraud għaddej mit-Triq ta' al-Khandaq fit-13 ta' Settembru 1920.

Meta faqqgħet ir-Rewwixta Sirjana fin-Nofsinhar tas-Sirja fl-1925, il-Franċiżi organizzaw elezzjonijiet ġodda fl-Istat ta' Aleppo li suppost kellhom iwasslu għat-tkissir tal-unjoni ma' Damasku u għall-indipendenza mill-ġdid tal-Istat ta' Aleppo. Bis-saħħa tal-politiċi ta' Aleppo li kienu favurihom, il-Franċiżi ħasbu li n-nies ta' Aleppo kienu se jappoġġaw tali skema. Madankollu, wara li ġie elett kunsill ġdid, baqgħu sorpriżi li l-votazzjoni kienet favur iż-żamma tal-unjoni ma' Damasku. In-nazzjonalisti Sirjani kienu mexxew kampanja pubblika enormi kontra s-seċessjoni li mmobilizzat ferm lin-nies kontra l-pjan tas-seċessjoni, u b'hekk il-politiċi favur il-Franċiżi ma kellhom l-ebda għażla għajr li jappoġġaw l-unjoni. Ir-riżultat kien tħammir il-wiċċ kbir għal Franza, li riedet li s-seċessjoni ta' Aleppo tkun miżura punittiva kontra Damasku, li kienet ipparteċipat fir-Rewwixta Sirjana, iżda r-riżultat ġie rrispettat. Din kienet l-aħħar darba li ġiet proposta l-indipendenza għal Aleppo.

Is-sitwazzjoni ekonomika ħażina tal-belt wara s-separazzjoni tal-kampanja tat-Tramuntana kompliet tiggrava iktar fl-1939 meta Alexandretta ġiet annessa mat-Turkija bħala l-Istat ta' Hatay, u b'hekk Aleppo ġiet imċaħħda mill-port prinċipali tagħha ta' Iskenderun u ġiet iżolata għalkollox fi ħdan is-Sirja.

Wara l-indipendenza

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Grand Serail d'Alep, li oriġinarjament kienet il-binja ppjanata biex issir is-sede tal-gvern tal-Istat ta' Aleppo li ma tantx kellu għomor twil.

Id-diżgwidi wara xulxin bejn Aleppo u Damasku eventwalment wasslu biex il-Blokk Nazzjonali jinqasam f'żewġ fazzjonijiet: il-Partit Nazzjonali, stabbilit f'Damasku fl-1946, u l-Partit Popolari, stabbilit f'Aleppo fl-1948 minn Rushdi al-Kikhya, Nazim Qudsi u Mustafa Bey Barmada. Kawża sottostanti tad-diżgwidi, minbarra l-unjoni mal-Iraq, kienet l-intenzjoni ta' Aleppo li tirriloka l-belt kapitali minn Damasku. Il-kwistjoni tal-belt kapitali saret kwistjoni ta' dibattitu miftuħ fl-1950 meta l-Partit Popolari ppreżenta abbozz ta' kostituzzjoni li sejħet lil Damasku bħala "belt kapitali temporanja".

L-għargħar tax-xmara Queiq tas-6 ta' Frar 1922.

L-ewwel kolp ta' stat fl-istorja tas-Sirja moderna seħħ f'Marzu 1949 minn uffiċjal tal-armata minn Aleppo, Hussni Zaim. Madankollu, attirat mill-poter assolut li gawda bħala dittatur, Zaim malajr żviluppa orjentazzjoni favur l-Eġittu u l-Punent u abbanduna l-kawża tal-unjoni mal-Iraq. Dan wassal għat-tieni kolp ta' stat erba' xhur wara l-ewwel wieħed. It-tieni kolp ta' stat, immexxi minn Sami Hinnawi, li wkoll kien uffiċjal tal-armata minn Aleppo, ta l-poter lill-Partit Popolari u b'mod attiv ipprova jwettaq l-unjoni mal-Iraq. L-aħbar ta' unjoni imminenti mal-Iraq wasslet għat-tielet kolp ta' stat fl-istess sena: f'Diċembru 1949, Adib Shishakly mexxa kolp ta' stat kontra l-unjoni mal-Iraq li kienet waslet biex tiġi ddikjarata.

Ftit wara li ntemm id-dominju ta' Shishakly fl-1954, ġiet implimentata unjoni mal-Eġittu taħt Gamal Abdul Nasser fl-1958. Madankollu, l-unjoni sfaxxat tliet snin u nofs wara meta ġunta ta' uffiċjali żgħażagħ minn Damasku wettqu kolp separatista. Aleppo rreżistiet dan il-kolp, iżda eventwalment ma kellhiex għażla oħra għajr li tirrikonoxxi l-gvern il-ġdid.

L-uffiċċju ċentrali tal-posta fl-1920.

F'Marzu 1963, koalizzjoni ta' Baatisti, Nasseristi u Soċjalisti varaw kolp ġdid bl-objettiv iddikjarat li jerġa' jsaħħaħ l-unjoni mal-Eġittu. Madankollu, il-gvern il-ġdid implimenta biss il-bandiera tal-unjoni. Ftit wara kien hemm diżgwid bejn il-Baatisti u n-Nasseristi rigward l-istabbiliment mill-ġdid tal-unjoni, u din saret kriżi, tant li l-Baatisti ħadu l-poter mingħand in-Nasseristi. In-Nasseristi, li l-biċċa l-kbira minnhom kienu nies tal-klassi medja ta' Aleppo, wieġbu b'rewwixta f'Aleppo f'Lulju 1963.

Għal darb'oħra, il-gvern ta' Ba'ath ipprova jassorbi l-ilmenti tal-klassi medja Sirjana (li ċ-ċentru tal-attiviżmu politiku tagħha kienet Aleppo) billi ta l-poter lil Amin al-Hafiz, uffiċjal militari Baatist minn Aleppo.

Il-linja tat-tramm, li bdiet topera fl-1929.

Il-President Hafez al-Assad, li kiseb il-poter fl-1970, serraħ fuq l-appoġġ tal-klassi tan-negozjanti f'Damasku. B'hekk dan ta vantaġġ lil Damasku fuq Aleppo, u għaldaqstant Damasku ddominat l-ekonomija Sirjana. Iċ-ċentralizzazzjoni stretta tal-istat Sirjan, id-direzzjoni intenzjonali tar-riżorsi lejn Damasku, u l-eġemonija li Damasku kienet tgawdi fuq l-ekonomija Sirjana wasslu biex Aleppo bdiet issibha diffiċli biex tikkompeti. Minkejja dan, Aleppo baqgħet ċentru ekonomiku u kulturali importanti fuq livell nazzjonali.

Boulevard de France, li saret Shukri al-Quwatli malli s-Sirja kisbet l-indipendenza.

Fis-16 ta' Ġunju 1979, 32 kadett militari ġew massakrati mill-grupp ribelli Iżlamist tal-Fratellanza Musulmana. Fil-vjolenza sussegwenti nqatlu madwar 50 ruħ. Fl-10 ta' Lulju nqatlu 72 suldat Sirjan oħra. Iż-żewġ attakki terroristiċi kienu parti mir-rewwixta Iżlamista fis-Sirja. Fl-1980, l-affarijiet kibru u wasslu għal operazzjoni militari fuq skala kbira f'Aleppo, fejn il-gvern Sirjan irrisponda b'forzi militari u tas-sigurtà, fejn intbagħtu għexieren ta' eluf ta' truppi appoġġati bit-tankijiet tal-gwerra, vetturi blindati u ħelikopters. Diversi mijiet ta' ribelli nqatlu fil-belt u fil-madwar u 8,000 ġew arrestati. Sa Frar 1981, ir-rewwixta Iżlamista fil-belt ta' Aleppo ġiet mgħakksa.

Mill-aħħar tas-snin 90 tas-seklu 20, Aleppo saret waħda mill-iżjed bliet bi tkabbir rapidu fil-Lvant u fil-Lvant Nofsani. Il-ftuħ tal-belt industrijali ta' Shaykh Najjar, l-influss ta' investimenti ġodda u l-fluss tal-industriji l-ġodda wara l-2004, ikkontribwew ukoll għall-iżvilupp tal-belt. Fl-2006, Aleppo ġiet imsejħa bħala l-belt kapitali tal-kultura Iżlamika mill-Organizzazzjoni Edukattiva, Xjentifika u Kulturali Iżlamika (ISESCO).

Gwerra Ċivili Sirjana

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-qerda fil-Pjazza ta' Saadallah Al-Jabiri wara l-attakki tal-Front ta' Al-Nusra f'Ottubru 2012.

Fit-12 ta' Awwissu 2011, xi xhur wara li kienu bdew il-protesti f'inħawi oħra fis-Sirja, saru protesti kontra l-gvern f'diversi distretti ta' Aleppo, inkluż fid-distrett ta' Sakhour. Matul din id-dimostrazzjoni, li kienet tinkludi għexieren ta' eluf ta' dimostranti, il-forzi tas-sigurtà sparaw u qatlu mill-inqas 12-il ruħ. Xahrejn wara, dimostrazzjoni favur il-gvern ġiet organizzata fil-Pjazza ta' Saadallah Al-Jabiri, fil-qalba tal-belt. Skont in-New York Times, fid-dimostrazzjoni tal-11 ta' Ottubru 2011 favur Bashar al-Assad kien hemm folol kbar, filwaqt li l-mezzi tax-xandir statali u lokali sostnew li kienu attendew iktar minn 1.5 miljun ruħ u li dik id-dimostrazzjoni kienet waħda mill-ikbar fl-istorja tas-Sirja.

Tank tal-gwerra meqrud fil-belt f'Ottubru 2012.

Fil-bidu tal-2012, xi ribelli bdew jibbumbardjaw lil Aleppo wara li nfirxu l-protesti kontra l-gvern. Fl-10 ta' Frar 2012, splodew karozzi bomba barra minn żewġ stabbiliment tas-sigurtà — il-kwartieri ġenerali tad-Direttorat tal-Intelliġenza Militari, u l-barrakki tal-Forzi tas-Sigurtà Interni Sirjani — fejn ġie rrapportat li nqatlu 28 ruħ (erba' ċivili, tlettax militari u ħdax membri tal-forza tas-sigurtà) u li ndarbu 235 ruħ. Fit-18 ta' Marzu 2012, karozza bomba oħra splodiet f'żona residenzjali u ġie rrapportat li nqatlu żewġ membri tal-forza tas-sigurtà u mara ċivili, u li ndarbu 30 resident.

Fl-aħħar ta' Lulju 2012, il-kunflitt laħaq il-qofol tiegħu f'Aleppo meta r-ribelli fil-kampanja madwar il-belt wettqu l-ewwel offensiva hemmhekk, u milli jidher ippruvaw ikomplu jieħdu spinta wara l-attakk fuq Damasku. Imbagħad, f'Aleppo seħħew uħud mill-"iżjed bumbardamenti devastanti u l-iżjed ġlied aħrax" tal-gwerra ċivili, spiss f'żoni residenzjali. Fis-sajf, fil-ħarifa u fix-xitwa tal-2012, il-ġlied minn dar għall-oħra bejn l-oppożizzjoni armata u l-forzi tal-gvern kompla, u sar-rebbiegħa tal-2013 l-Armata Sirjana kienet stabbiliet ruħha bit-trunċieri fil-parti tal-Punent ta' Aleppo (il-forzi favur il-gvern kienu qed joperaw bażi militari fil-parti tan-Nofsinhar tal-belt) u l-Armata Sirjana Ħielsa stabbiliet ruħha fil-parti tal-Lvant, b'territorju ta' ħadd bejniethom. Skont stima tal-imwiet minn organizzazzjoni umanitarja internazzjonali, huwa maħsub li sa dak iż-żmien kienu nqatlu 13,500 ruħ fil-ġlied — 1,500 ruħ kienu tfal taħt il-ħames snin — u li kienu ndarbu 23,000 ruħ oħra. L-għases tal-pulizija lokali fil-belt, li kienu ntużaw bħala bażijiet tal-forzi tal-gvern u li r-residenti kienu jibżgħu jersqu lejhom, kienu fil-qalba tal-biċċa l-kbira tal-kunflitt.

Il-Knisja Presbitera Nazzjonali ta' Aleppo wara li nqerdet fis-6 ta' Novembru 2012.

Bħala riżultat tal-battalja qalila, bosta sezzjonijiet fis-Suq ta' Al-Madina (parti miċ-ċentru storiku ta' Aleppo), inkluż partijiet mill-Moskea l-Kbira ta' Aleppo u binjiet Medjevali oħra fiċ-ċentru storiku tal-belt, inqerdu u ġarrbu ħsarat jew ħadu n-nar fl-aħħar tas-sajf tal-2012, waqt li l-gruppi armati tal-Armata Għarbija Sirjana u l-Armata Sirjana Ħielsa ġġieldu għall-kontroll tal-belt. Sa Marzu 2013, il-biċċa l-kbira tas-sidien tal-fabbriki ta' Aleppo ttrasferew il-merkanzija tagħhom lejn it-Turkija bl-għarfien u bl-iffaċilitar min-naħa tal-gvern Tork.

Wara erba' snin ta' nuqqas ta' avvanz fil-ġlied, f'Lulju 2016 it-truppi tal-Armata Sirjana għalqu l-aħħar provvista ta' ribelli lejn Aleppo bl-appoġġ tal-attakki Russi mill-ajru. Bħala rispons, il-forzi ribelli varaw għadd ta' kontraoffensivi f'Settembru u f'Ottubru iżda mingħajr ma kellhom suċċess; f'Novembru, il-forzi tal-gvern wettqu kampanja militari deċiżiva. Ir-ribelli qablu li jevakwaw mill-kumplament taż-żoni f'Diċembru 2016. Ir-rebħa tal-gvern Sirjan bl-għajnuna tal-bumbardamenti Russi mill-ajru ġie meqjus b'mod mifrux bħala punt ta' żvolta potenzjali fil-gwerra ċivili fis-Sirja.

Fit-22 ta' Diċembru, l-evakwazzjoni ntemmet u l-Armata Sirjana ddikjarat li ħadet il-kontroll totali tal-belt. Iktar 'il quddiem l-organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar ikkonfermat li l-evakwazzjoni taċ-ċivili u tar-ribelli kollha kienet intemmet.

Meta l-battalja ntemmet, 500,000 refuġjat u persuna spustjata internament reġgħu lura f'Aleppo, u l-mezzi tax-xandir statali Sirjani sostnew li mijiet ta' fabbriki reġgħu bdew bil-produzzjoni tagħhom bis-saħħa ta' żieda kbira fil-provvista tal-elettriku. Ħafna partijiet mill-belt li ġew affettwati mill-ġlied bdew jiġu rikostruwiti. Fil-15 ta' April 2017, konvoj ta' karozzi tal-linja li kienu qed iġorru l-evakwati ġie attakkat minn attakk bomba suwiċida f'Aleppo, li qatel iktar minn 126 ruħ, inkluż mill-inqas 80 tifel u tifla. Il-mezzi tax-xandir statali Sirjani rrapportaw li fis-17 ta' Novembru 2017 seħħ festival tax-xiri f'Aleppo biex tiġi promossa l-industrija fil-belt. Kmandant tal-YPG iddikjara fi Frar 2018 li xi ġellieda Kurdi kienu ttrasferew ruħhom lejn Afrin biex jgħinu fir-reżistenza kontra l-attakk Tork. Huwa sostna li b'riżultat ta' dan, il-forzi Sirjani favur il-gvern reġgħu kisbu l-kontroll tad-distretti li qabel kienu kkontrollati minnhom. Fi Frar 2020, il-forzi tal-gvern għamlu żvolta kbira meta rnexxielhom jaħtfu l-aħħar żoni li kienu għadhom f'idejn ir-ribelli fil-periferija tal-Punent ta' Aleppo, u b'hekk temmew b'mod deċiżiv il-ġlied li kien beda bil-Battalja ta' Aleppo iktar minn tmien snin wara.

Il-belt ġarrbet xi ħsarat ukoll minħabba t-terremot tal-2023 li heżżeż it-Turkija u s-Sirja.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Belt tal-Qedem ta' Aleppo ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.[15]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[15]

Il-Muntanji Kurdi fil-qrib, fil-Majjistral ta' Aleppo.

Aleppo tinsab madwar 120 kilometru (75 mil) 'il ġewwa mill-Baħar Mediterran, fuq promontorju 380 metru (1,250 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar, 45 kilometru (28 mil) fil-Lvant tal-post tal-kontroll tal-fruntiera bejn is-Sirja u t-Turkija msejjaħ Bab al-Hawa. Il-belt hija mdawra bir-raba' agrikolu fit-Tramuntana u fil-Punent, fejn jitkabbru bosta siġar taż-żebbuġ u tal-pistaċċi. Lejn il-Lvant ta' Aleppo hemm iż-żoni nexfin tad-Deżert Sirjan.

Ix-xmara Queiq.

Il-belt ġiet stabbilita ftit kilometri fin-Nofsinhar tal-pożizzjoni attwali taċ-ċentru storiku tal-belt, max-xatt tal-lemin tax-xmara Queiq li tfeġġ mill-promontorju ta' Aintab fit-Tramuntana u tgħaddi minn Aleppo lejn in-Nofsinhar sal-art għammiela ta' Qinnasrin. Iċ-ċentru storiku tal-belt ta' Aleppo jinsab max-xatt tax-xellug tax-xmara Queiq. Fl-imgħoddi kien imdawwar b'ċirku ta' tmien għoljiet madwar għolja ċentrali prominenti li fuqha nbena l-kastell (li oriġinarjament kien tempju li jmur lura għat-tieni millenju Q.K.). Ir-raġġ taċ-ċirku huwa ta' madwar 10 kilometri (6.2 mili). L-għoljiet huma: Tell as-Sawda, Tell ʕāysha, Tell as-Sett, Tell al-Yāsmīn (Al-ʕaqaba), Tell al-Ansāri (Yārūqiyya), ʕan at-Tall, al-Jallūm, u Baḥsīta. Iċ-ċentru storiku tal-belt kien imdawwar bi swar antiki li ġew rikostruwiti għall-aħħar darba mill-Mamluk. Is-swar għandu disa' daħliet u kien imdawwar b'ħandaq fond u wiesa', li ma għadux jeżisti.

Aleppo għandha erja ta' iktar minn 190 km2 (73 mil kwadru), u hija waħda mill-iżjed bliet li qed jikbru b'mod rapidu fil-Lvant Nofsani. Skont il-pjan maġġuri l-ġdid tal-belt li ġie adottat fl-2001, kien previst li l-erja totali ta' Aleppo kellha tiżdied sa 420 km2 (160 mil kwadru) sal-aħħar tal-2015.

Aleppo għandha klima bierda tal-isteppi (Köppen: BSk). Is-sensiela ta' muntanji tul il-kosta Mediterranja, jiġifieri l-Muntanji ta' Alawiyin u l-Muntanji ta' Nur, fil-biċċa l-kbira jimblukkaw l-effetti tal-Mediterran fuq il-klima (fenomenu magħruf bħala l-effett tad-dell tal-preċipitazzjoni). It-temperatura għolja u baxxa medja matul is-sena tkun 23.8 u 11.1 °C (74.8 u 52.0 °F). Il-preċipitazzjoni medja tkun 329.4 mm (12.97-il pulzier). Iktar minn 80 % tal-preċipitazzjoni tinżel bejn Ottubru u Marzu. Il-borra tinżel xi darba jew darbtejn kull xitwa, u l-umdità medja tkun 55.7 %.

Data klimatika għal Aleppo (l-Ajruport Internazzjonali ta' Aleppo), 393 metru (1,289 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar, temp. normali fl-1991-2020
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord f'°C (°F) 20.5

(68.9)

25.4

(77.7)

29.8

(85.6)

38.6

(101.5)

41.0

(105.8)

44.0

(111.2)

45.7

(114.3)

44.3

(111.7)

44.0

(111.2)

39.0

(102.2)

29.7

(85.5)

24.5

(76.1)

45.7

(114.3)

Temp. għolja medja ta' kuljum f'°C (°F) 10.7

(51.3)

12.9

(55.2)

17.6

(63.7)

23.1

(73.6)

29.4

(84.9)

34.2

(93.6)

36.8

(98.2)

36.8

(98.2)

33.5

(92.3)

27.6

(81.7)

18.8

(65.8)

12.2

(54.0)

24.5

(76.0)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) 2.4

(36.3)

3.2

(37.8)

6.1

(43.0)

10.0

(50.0)

15.0

(59.0)

19.8

(67.6)

22.8

(73.0)

22.8

(73.0)

19.4

(66.9)

14.2

(57.6)

7.3

(45.1)

3.7

(38.7)

12.2

(54.0)

Temp. baxxa rekord f'°C (°F) −11.3

(11.7)

−8.3

(17.1)

−5.5

(22.1)

−4.0

(24.8)

5.0

(41.0)

10.0

(50.0)

12.0

(53.6)

12.1

(53.8)

6.0

(42.8)

−2.0

(28.4)

−12.0

(10.4)

−10.8

(12.6)

−12.0

(10.4)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 57.5

(2.26)

47.8

(1.88)

42.4

(1.67)

27.8

(1.09)

16.0

(0.63)

1.7

(0.07)

0.0

(0.0)

0.1

(0.00)

3.5

(0.14)

23.0

(0.91)

35.6

(1.40)

58.3

(2.30)

313.7

(12.35)

Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni (≥ 1.0 mm) 9.0 7.6 6.8 4.3 2.7 0.3 0.0 0.0 0.5 3.4 4.9 8.0 47.5
Umdità relattiva medja (%) 84 79 68 65 50 42 42 45 46 55 66 80 60
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar 120.9 140.0 198.4 243.0 319.3 366.0 387.5 365.8 303.0 244.9 186.0 127.1 3,001.9
Medja ta' sigħat ta' xemx kuljum 3.9 5.0 6.4 8.1 10.3 12.2 12.5 11.8 10.1 7.9 6.2 4.1 8.2
Sors 1: NOAA (xemx 1961–1990).[16][17]
Sors 2: Deutscher Wetterdienst (umdità fl-1960-1967, temp. estremi fl-1951-1978).[18]

Aleppo hija kkaratterizzata minn taħlita ta' stili arkitettoniċi, peress li kienet immexxija, fost l-oħrajn, mir-Rumani, mill-Biżantini, mis-Seljuk, mill-Mamluk u mill-Ottomani.

Fiċ-ċentru storiku tal-belt hemm diversi tipi ta' kostruzzjonijiet tas-sekli 13 u 14, fosthom karavanseraj, caeserias, skejjel Koraniċi, ħammam (banjijiet pubbliċi) u binjiet reliġjużi. Il-kwartieri tad-distrett ta' al-Jdayde jospitaw bosta djar tas-sekli 16 u 17 tal-borgeżija ta' Aleppo, b'bosta tinqix fil-ġebel. L-arkitettura Barokka tas-seklu 19 u tal-bidu tas-seklu 20 hija komuni fid-distrett ta' al-Azizyah district, inkluż il-Villa Rose. Id-distett il-ġdid ta' Shahbaa fih taħlita ta' diversi stili arkitettoniċi, fosthom Neo-Klassiku, Normann, Orjentali u saħansitra Ċiniż.

Peress li ċ-ċentru storiku huwa kkaratterizzat minn vilel kbar, toroq dojoq u swieq imsaqqfa, l-arkitettura moderna tal-belt toħloq kuntrast bit-toroq wesgħin u bil-pjazez kbar tagħha, fosthom il-Pjazza ta' Saadallah Al-Jabiri, il-Pjazza tal-Ħelsien, il-Pjazza tal-President u l-Pjazza ta' Sabaa Bahrat.

Hemm diviżjoni relattivament netta bejn Aleppo ġdida u Aleppo tal-qedem. Il-partijiet iktar antiki tal-belt, b'erja ta' bejn wieħed u ieħor 160 ettaru (0.6 mili kwadri) jinsabu mdawra b'ħajt ta' 5 kilometri (3.1 mili) f'disa' daħliet. Il-kastell Medjevali enormi tal-belt — magħruf bħala ċ-Ċittadella ta' Aleppo — jokkupa ċ-ċentru tal-parti antika, b'għamla ta' akropoli.

Peress li kienu soġġetti għal invażjonijiet u għal instabbiltà politika kostanti, l-abitanti tal-belt kellhom jibnu kwartieri u distretti qishom ċelel li soċjalment u ekonomikament kienu indipendenti minn xulxin. Kull distrett kien ikkaratterizzat mill-karatteristiċi reliġjużi u etniċi tal-abitanti tiegħu.

Iċ-ċentru storiku, mibni kważi għalkollox b'ġebel abjad, inbena fi ħdan il-ħitan storiċi tal-belt, u kellu disa' daħliet storiċi, filwaqt li l-kwartieri l-ġodda taċ-ċentru storiku nbnew għall-ewwel darba mill-Kristjani matul il-bidu tas-seklu 15 fis-subborgi tat-Tramuntana taċ-ċentru storiku, wara l-irtirar tal-Mongoli minn Aleppo. Il-kwartier il-ġdid magħruf bħala al-Jdayde huwa wieħed mill-ifjen eżempji ta' kwartier qisu ċella f'Aleppo. Wara li Tamerlane invada lil Aleppo fl-1400 u qeridha, il-Kristjani telqu 'l barra mill-ħitan tal-belt u stabbilew iċ-ċella tagħhom stess fl-1420, fis-subborgi tal-Majjistral tal-belt, u b'hekk stabbilew il-kwartieri ta' al-Jdayde. L-abitanti tal-kwartieri l-ġodda kienu prinċipalment sensara li kienu jiffaċilitaw il-kummerċ bejn il-kummerċjanti barranin u l-merkanti lokali. Bis-saħħa tal-iżvilupp ekonomiku, ġew stabbiliti bosta kwartieri oħra 'l barra mis-swar taċ-ċentru storiku tal-belt matul is-sekli 15 u 16.

B'hekk, iċ-ċentru storiku ta' Aleppo — magħmul mill-qalba tal-belt imdawra bis-swar u bil-kwartieri qishom ċelel 'il barra mis-swar — għandu erja ta' madwar 350 ettaru (1.4 mil kwadru) u jospita iktar minn 120,000 resident.

  1. ^ "UNdata | country profile | Syrian Arab Republic". web.archive.org. 2012-03-07. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-03-07. Miġbur 2023-12-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ "Aleppo, Syria Metro Area Population 1950-2022 | MacroTrends". web.archive.org. 2022-08-21. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-08-21. Miġbur 2023-12-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ "Popolazzjoni". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-05-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ "بـ 4.6 ملايين نسمة .. محافظة حلب الأعلى سكانياً في سورية | عكس السير دوت كوم". web.archive.org. 2017-09-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-09-17. Miġbur 2023-12-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ The Oxford Encyclopedia of Archaeology in the Near East (1997).
  6. ^ "Archnet - Aleppo Citadel Restoration - Aga Khan Historic Cities Programme". web.archive.org. 2014-05-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-05-23. Miġbur 2023-12-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. ^ "Aleppo rebuilds itself from destruction of war". web.archive.org. 2017-12-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-12-05. Miġbur 2023-12-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  8. ^ "Aleppo looks to rebuild after years of war". web.archive.org. 2017-12-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-12-05. Miġbur 2023-12-21.
  9. ^ "Center for Documentation of Violations in Syria - Killed List". web.archive.org. 2018-12-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-12-05. Miġbur 2023-12-21.
  10. ^ "Ancient City of Aleppo - World Heritage Site - Pictures, info and travel reports". web.archive.org. 2012-03-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-03-04. Miġbur 2023-12-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  11. ^ A.E.J. Morris (2013). History of Urban Form Before the Industrial Revolution. Routledge. p. 1038. ISBN 978-1-317-88513-9.
  12. ^ "حلب الشهباء..معناها وأهميتها عند النبي العربي إبراهيم الخليل". web.archive.org. 2018-07-06. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-07-06. Miġbur 2023-12-21.
  13. ^ Dan Ben Amos (2011). Folktales of the Jews, V. 3 (Tales from Arab Lands). Jewish Publication Society. p. 283. ISBN 978-0-8276-0871-9.
  14. ^ "Meet some of the world's oldest continually inhabited cities - Daily Sabah". web.archive.org. 2016-08-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-20. Miġbur 2023-12-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  15. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Ancient City of Aleppo". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-21.
  16. ^ "NOAA". web.archive.org. 2023-09-02. Arkivjat mill-oriġinal fl-2023-09-02. Miġbur 2023-12-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  17. ^ "Tagħrif NOAA". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2023-09-23. Miġbur 2023-12-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  18. ^ "Tabelli Klimatiċi" (PDF). web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-08-19. Miġbur 2023-12-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)