Aqbeż għall-kontentut

Bajja ta' Ha Long

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Din hija reviżjoni antika ta' din il-paġna, hekk kif ġiet modifikata minn InternetArchiveBot (diskussjoni | kontribuzzjonijiet) nhar 00:20, 23 Diċembru 2023. Din tista' tvarja mir-reviżjoni attwali.
Veduta tal-bajja mill-Gżira ta' Titov.

Il-Bajja ta' Ha Long jew il-Bajja ta' Halong (bil-Vjetnamiż: Vịnh Hạ Long) hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u destinazzjoni turistika popolari fil-provinċja ta' Quảng Ninh, il-Vjetnam. L-isem "Ha Long" ifisser "dragun nieżel". Amministrattivament, il-bajja tagħmel parti mal-belt ta' Ha Long, f'Cẩm Phả, u hija parti mid-distrett ta' Vân Đồn. Il-bajja fiha eluf ta' formazzjonijiet karstiċi u gżejriet tal-ġebla tal-ġir b'diversi għamliet u daqsijiet. Il-Bajja ta' Ha Long hija ċ-ċentru ta' żona ikbar li tinkludi l-Bajja ta' Bai Tu Long fil-Grigal u l-Gżira ta' Cát Bà fil-Lbiċ. Dawn iż-żoni ikbar għandhom l-istess karatteristiċi ġeoloġiċi, ġeografiċi, ġeomorfoloġiċi, klimatiċi u kulturali.

Il-Bajja ta' Ha Long għandha erja ta' madwar 1,553 km2 (600 mil kwadru), u tinkludi 1,960-2,000 gżejra, il-maġġoranza tagħhom tal-ġebla tal-ġir. Iż-żona tal-qalba tal-bajja għandha erja ta' 334 km2 (129 mil kwadru) b'densità għolja ta' 775 gżejra.[1] Il-ġebla tal-ġir f'din il-bajja għaddiet minn 500 miljun sena ta' formazzjoni f'kundizzjonijiet u f'ambjenti differenti. L-evoluzzjoni karstika f'din il-bajja damet 20 miljun sena taħt l-impatt tal-klima tropikali spiss bix-xita.[2] Il-ġeodiversità tal-ambjent fl-inħawi ħoloq il-bijodiversità, inkluż bijosistema tropikali li dejjem tħaddar fuq l-art, bijosistema oċeanika u bijosistema kostali. Il-Bajja ta' Ha Long tospita 14-il speċi ta' flora endemika u 60 speċi ta' fawna endemika.[3]

Stħarriġiet tar-riċerka storika wrew il-preżenza ta' bnedmin preistoriċi f'dawn l-inħawi diġà minn għexieren ta' eluf ta' snin ilu. Il-kulturi suċċessivi tal-qedem huma l-kultura ta' Soi Nhu (madwar 18,000-7000 Q.K.), il-kultura ta' Cai Beo (7000-5000 Q.K. u l-kultura ta' Ha Long (5,000-3,500 Q.K.). Il-Bajja ta' Ha Long timmarka wkoll avvenimenti importanti fl-istorja tal-Vjetnam u nstabu bosta artefatti fil-muntanja Bai Tho, fl-Għar ta' Dau Go, u f'Bai Chay.

500 sena ilu, Nguyễn Trãi faħħar is-sbuħija tal-Bajja ta' Ha Long fil-proża tiegħu Lộ nhập Vân Đồn, fejn sejħilha "għaġeb tal-blat fis-sema". Fl-1962, il-Ministeru għall-Kultura, l-Isport u t-Turiżmu tat-Tramuntana tal-Vjetnam elenka l-Bajja ta' Ha Long fost it-Teżori u l-Pajsaġġi Nazzjonali. Fl-1994, iż-żona tal-qalba tal-Bajja ta' Ha Long tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[4]

Etimoloġija

Il-Bajja ta' Ha Long binhar.

L-isem Ha Long (chữ Hán: 下龍) ifisser "dragun nieżel".

Qabel is-seklu 19, l-isem "Bajja ta' Ha Long" ma kienx ġie rreġistrat fil-kotba antiki tal-pajjiż. Minflok kienet tissejjaħ An Bang, Lục Thủy, Vân Đồn, eċċ. Fl-aħħar tas-seklu 19, l-isem "Bajja ta' Ha Long" tfaċċa fuq il-Mappa Marittima ta' Franza. Il-gazzetta bil-Franċiż Hai Phong irrapportat li "Dragun jidher fil-Bajja ta' Ha Long".

Skont leġġenda lokali, meta l-Vjetnam qabad jiżviluppa bħala pajjiż, il-Vjetnamiżi kellhom jiġġieldu kontra l-invażuri. Sabiex jgħinu lill-Vjetnamiżi jiddefendu lil pajjiżhom, l-allat bagħtu familja ta' draguni bħala protetturi. Din il-familja ta' draguni bdiet tobżoq il-ġojjelli u l-ġada. Dawn inbidlu fi gżejjer u fi gżejriet tul il-bajja, li flimkien iffurmaw ħajt kbir kontra l-invażuri. Permezz tal-maġija, f'daqqa waħda tfaċċaw bosta muntanji tal-blat fil-baħar, quddiem il-bastimenti tal-invażuri; bil-ħasda l-bastimenti baqgħu deħlin ġol-blat u ġo xulxin. Wara li l-battalja ntrebħet, id-draguni riedu jaraw il-kumplament tad-Dinja fil-paċi, u ddeċidew li jitilqu mill-bajja. Il-post fejn niżlet id-dragun omm issejjaħ Ha Long, il-post fejn ulied id-dragun qagħdu qrib ommhom issejjaħ il-Gżira ta' Bái Tử Long (Bái: joqogħdu qrib, Tử: ulied, Long: dragun), u l-post fejn ulied id-dragun ċaqilqu denbhom b'vjolenza ssejjaħ il-Gżira ta' Bạch Long Vĩ (Bạch: l-abjad tar-ragħwa meta ulied id-dragun ċaqilqu denbhom, Long: dragun, : denb), illum il-ġurnata magħrufa bħala l-peniżola ta' Tra Co, f'Móng Cái.[5]

Ħarsa ġenerali

Il-Grotta ta' Thien Cung.

Il-bajja tikkonsisti minn densità ta' xi 1,600 gżira monolitika tal-ġebla tal-ġir, kull waħda miksija b'veġetazzjoni folta tal-ġungla, ħerġin b'mod spettakolari minn wiċċ l-oċean. Bosta gżejjer huma vojta minn ġewwa u għandhom diversi għerien enormi. L-Għar ta' Hang Dau Go (l-Għar tal-Puntali tal-Injam) huwa l-ikbar għar fl-inħawi ta' Ha Long. Xi turisti Franċiżi żaru l-għar fl-aħħar tas-seklu 19 u sejħulu Grotte des Merveilles (Grotta tal-Għeġubijiet). It-tliet kompartimenti kbar tiegħu fihom għadd kbir ta' stalaktiti u stalagmiti (kif ukoll graffiti Franċiżi tas-seklu 19). Hemm żewġ gżejjer kbar, Tuần Châu u Cát Bà, li fuqhom jgħixu abitanti permanenti u li għandhom faċilitajiet għat-turisti bħal lukandi u bajjiet. Hemm diversi bajjiet sbieħ fuq gżejjer oħra iżgħar.

Dar ta' sajjied fil-Bajja ta' Ha Long.

Komunità ta' madwar 1,600 ruħ tgħix litteralment fuq il-Bajja ta' Ha Long f'erba' villaġġi tas-sajjieda fuq wiċċ l-ilma: Cua Van, Ba Hang, Cong Tau u Vong Vieng fid-distrett ta' Hung Thang li jagħmel mal-belt ta' Ha Long. Is-sajjieda u l-familji tagħhom jgħixu fuq wiċċ l-ilma u jaqilgħu l-għajxien tagħhom mis-sajd u mill-akkwakultura. Huma jistadu fl-ilmijiet baxxi għal 200 speċi ta' ħut u 450 tip differenti ta' molluski. Ħafna mill-gżejjer kisbu isimhom minħabba interpretazzjoni tal-għamliet mhux tas-soltu tagħhom. Fosthom hemm il-Gżejra ta' Voi (iljunfant), il-Gżejra ta' Ga Choi (serduk jiġġieled), il-Gżejra ta' Khi (xadina), u l-Gżejra ta' Mai Nha (saqaf). 989 mill-gżejjer ingħataw isem. Hemm diversi għasafar u annimali li jgħixu fuq uħud mill-gżejjer bħal bantams, gazzelli, xadini u gremxul.

Kważi l-gżejjer kollha qishom torrijiet individwali f'pajsaġġ klassiku tal-fenglin b'għoli ta' 50-100 metru (160-330 pied) u b'proporzjon ta' għoli/wisa' sa madwar sitta.

Karatteristika speċifika oħra tal-Bajja ta' Ha Long hija l-abbundanza ta' lagi fi ħdan il-gżejjer tal-ġebla tal-ġir. Pereżempju l-gżira ta' Dau Be għandha sitt lagi interni. Dawn il-lagi kollha tal-gżejjer jokkupaw dolini mgħerrqa fi ħdan formazzjonijiet karstiċi tat-tip fengcong.

Pożizzjoni

Villaġġ tas-sajjieda fuq wiċċ l-ilma.

Il-Bajja ta' Ha Long tinsab fil-Grigal tal-Vjetnam, bejn E106°55' u E107°37' u bejn N20°43' u N21°09'. Il-bajja testendi mir-raħal ta' Quang Yen sa wara l-belt ta' Ha Long, il-belt ta' Cẩm Phả u d-distrett ta' Vân Đồn. Il-bajja hija kkonfinata fin-Nofsinhar u fix-Xlokk mill-Bajja ta' Lan Ha, fit-Tramuntana mill-belt ta' Ha Long, u fil-Punenet mill-Bajja ta' Bai Tu Long. Il-bajja għandha kosta twila 120 kilometru (75 mil) u għandha daqs ta' madwar 1,553 km2 (600 mil kwadru) b'xi 2,000 gżejra. L-erja ddeżinjata bħala sit naturali u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO tinkorpora erja ta' 434 km2 (168 mil kwadru) b'775 gżejra, b'żona tal-qalba delimitata minn 69 punt: il-gżira ta' Dau Go fil-Punent, il-lag ta' Ba Ham fin-Nofsinhar u l-gżira ta' Cong Tay fil-Lvant. Iż-żona protetta tibda minn ħdejn il-pompa tal-petrol ta' Cái Dăm u tibqa' sejra sad-distrett ta' Quang Hanh, il-belt ta' Cẩm Phả u ż-żona tal-madwar.

Klima

Il-klima tal-bajja hija tropikali, bix-xita, tipika tal-gżejjer tal-baħar fir-reġjun, b'żewġ staġuni: sajf sħun u bl-indewwa, u xitwa niexfa u kiesħa. It-temperatura medja tkun 15–25 °C (59–77 °F), u kull sena tinżel jinżlu bejn 2 metri u 2.2 metri (6.6 piedi u 7.2 piedi) ta' xita. Il-Bajja ta' Ha Long għandha sistema tipika ta' marea ta' binhar (b'amplitudni tal-marea li tvarja bejn 3.5–4 metri jew 11–13-il pied). Is-salinità hija bejn 31 u 34.5 MT fl-istaġun tan-nixfa u iktar baxxa fl-istaġun tax-xita.

Popolazzjoni

Inżul ix-xemx fil-Bajja ta' Ha Long.

Mill-1,969 gżira fil-Bajja ta' Ha Long, bejn wieħed u ieħor xi 40 minn huma abitati. Dawn il-gżejjer ivarjaw minn għexieren għal eluf ta' ettari bħala daqs, l-iktar fil-Lvant u fix-Xlokk tal-Bajja ta' Ha Long. F'dawn l-aħħar deċennji, eluf ta' nies bdew jgħixu fuq il-gżejjer u bnew komunitajiet ġodda bħall-Gżira ta' Sa Tô (il-belt ta' Ha Long) u l-Gżira ta' Thắng Lợi (id-distrett ta' Vân Đồn).

Il-popolazzjoni tal-Bajja ta' Ha Long tammonta għal madwar 1,540 ruħ, l-iktar fil-villaġġi tas-sajjieda ta' Cửa Vạn, ta' Ba Hang u ta' Cặp Dè (id-distrett ta' Hùng Thắng, il-belt ta' Ha Long). Ir-residenti tal-bajja jgħixu l-iktar fuq dgħajjes u fuq ċattri li jżommu fuq wiċċ l-ilma permezz ta' tajers u ġarer tal-plastik u li jiffaċilitaw is-sajd, it-trobbija u t-tnissil ta' speċijiet akkwatiċi u tal-baħar. Il-ħut tal-akkwakultura jeħtieġ jingħalef ġurnata iva u ġurnata le sa tliet snin, meta eventwalment jinbigħ lir-ristoranti lokali tal-ħut u tal-frott tal-baħar għal prezz sa 300,000 dong Vjetnamiż kull kilogramma. Illum il-ġurnata l-ħajja tal-abitanti tal-Bajja ta' Ha Long tjiebet ferm bis-saħħa ta' negozji ġodda marbuta mal-ivvjaġġar. Ir-residenti tal-villaġġi fuq wiċċ l-ilma madwar il-Bajja ta' Ha Long bdew jikru xi kmamar, jagħmlu dawriet turistiċi bid-dgħajsa, u jippreparaw frott il-baħar frisk għat-turisti. Għalkemm dan l-istil ta' ħajja huwa iżolat u iebes, ir-residenti tal-villaġġi fuq wiċċ l-ilma jitqiesu għonja meta mqabbla ma' residenti oħra fil-Bajja ta' Ha Long.

Attwalment, il-gvern provinċjali ta' Quảng Ninh għandu politika ta' rilokazzjoni tal-unitajiet domestiċi li jgħixu fil-bajja biex imorru jgħixu fuq l-art, sabiex jistabbilizzaw il-ħajja tagħhom u fl-istess ħin il-pajsaġġ jiġi protett. Iktar minn 300 unità domestika li kienu jgħixu fil-villaġġi tas-sajjieda fil-Bajja ta' Ha Long ġew rilokati mal-kosta fiż-Żona tar-Rilokazzjoni ta' Khe Cá, issa magħrufa bħala ż-Żona 8 (id-distrett ta' Hà Phong, il-belt ta' Ha Long) minn Mejju 2014. Dan il-proġett tkompla u l-provinċja żammet biss għadd ta' villaġġi tas-sajjieda bħala attrazzjoni għaż-żjarat turistiċi.

Storja

Statwa ta' Buddha f'għar tal-Bajja ta' Ha Long tas-seklu 16-17.

Kultura ta' Soi Nhu (16,000-5000 Q.K.)

F'Ha Long u f'Bai Tu Long hemm siti arkeoloġiċi bħal Me Cung u Thien Long. Hemmhekk instabu fdalijiet ta' munzelli ta' qxur tal-baħar (Cyclophorus u Melania), xi molluski tal-ilma ħelu u xi għodod rudimentali. L-istil ta' ħajja prinċipali tal-abitanti ta' Soi Nhu kien jinkludi s-sajd tal-ħut u tal-qxur tal-baħar, il-ġbir tal-frott u t-tħaffir għall-basal u għat-tuberi. L-ambjent tal-għajxien tagħhom kien żona kostali għad-differenza ta' kulturi Vjetnamiżi oħra, pereżempju dawk li nstabu fdalijiet tagħhom f'Hoa Binh u f'Bac Son.

Kultura ta' Cai Beo (5000-3000 Q.K.)

F'Ha Long u fl-gżira ta' Cat Ba, l-abitanti kienu żviluppaw sal-livell ta' sfruttament tal-baħar għall-għajxien. Il-kultura ta' Cai Beo kienet kultura ta' tranżizzjoni bejn il-kultura ta' Soi Nhu u l-kultura ta' Ha Long.[6]

Kultura ta' Ha Long (2500-1500 Q.K.)

Bejn l-2500 Q.K. u l-1500 Q.K., il-kultura ta' Cai Beo evolviet fil-kultura ta' Ha Long, li hija l-kultura li ħalliet l-ikbar ammont ta' evidenza warajha. B'kollox instabu saħansitra 50 artefatt kulturali ta' din il-kultura.[7]

Perjodu Klassiku

L-istorja turina li fil-Bajja ta' Ha Long seħħew diversi battalji navali lokali kontra l-ġirien kostali tal-Vjetnam. Fi tliet okkażjonijiet, fil-labirint ta' kanali fix-xmara Bạch Đằng qrib il-gżejjer, l-armata Vjetnamiża waqqfet liċ-Ċiniżi milli jiżbarkaw. Fl-1288, Ġeneral Vjetnamiż waqqaf it-tbaħħir ta' vapuri Mongoli tul ix-xmara Bach Dang billi fil-marea għolja poġġew puntali tal-injam bi truf tal-azzar ġejjin għall-ponta, u meta għaddiet, il-flotta Mongola ta' Kublai Khan għerqet.

Perjodu Modern

Il-Bajja ta' Ha Long kien is-sit fejn ġiet olzata għall-ewwel darba l-bandiera nazzjonali l-ġdida tal-Gvern Ċentrali Provviżorju tal-Vjetnam fil-5 ta' Ġunju 1948 matul l-iffirmar tal-Ftehimiet tal-Bajja ta' Ha Long (bil-Franċiż: Accords de la baie d’Along) mill-Kummissarju Għoli Emile Bollaert u mill-President Nguyễn Văn Xuân.[8]

Matul il-Gwerra tal-Vjetnam, ħafna mill-kanali bejn il-gżejjer intefgħulhom bosta mini tal-ilma mill-Flotta Navali tal-Istati Uniti, u għad hemm uħud minnhom li għadhom theddida għat-trasport marittimu sa llum il-ġurnata.

Ġeoloġija u ġeomorfoloġija

Il-formazzjonijiet karstiċi tal-Bajja ta' Ha Long.

Il-Bajja ta' Ha Long u l-inħawi tal-madwar jikkonsistu minn parti mit-territorju kompożitur Ċiniż-Vjetnamiż bi storja ta' żvilupp Prekambrijani sa llum il-ġurnata. Matul l-epoka Fanerożojka, is-sedimenti terriġeni, vulkanoġeniċi u tal-karbonat tas-siliċju b'abbundanza ta' graptoliti, brakkjopodi, ħut, qroll, foraminiferani, radjolarji, bivalvi u flora, isseparaw minn xulxin permezz ta' 10 distakk stratigrafiku, iżda l-konfini bejn l-epoki Devonjani u Karboniferi ġiet meqjusa bħala kontinwa. Il-ġeomorfoloġija karstika tal-ġebla tal-ġir tal-bajja żviluppat mill-epoka Mijoċena, speċjalment l-għoljiet b'għamla ta' kon (fengcong), jew it-torrijiet karstiċi għoljin tal-ġebla tal-ġir (fenglin) b'bosta fdalijiet ta' għerien freatiċi antiki, għerien karstiċi antiki mal-baħar u għerien taħt il-baħar li jiffurmaw formazzjonijiet karstiċi tal-ġebla tal-ġir uniċi fid-dinja. Il-ġeoloġija Kwaternarja ġiet żviluppata permezz ta' ħames ċikli fl-ambjenti marittimini u kontinentali. Il-Bajja ta' Ha Long attwali, fil-fatt, tfaċċat wara t-trasgressjoni massima tal-epoka Oloċena Nofsanija, li ħalliet warajha żona ta' xaqlibiet laterali fl-irdumijiet tal-ġebla tal-ġir b'bosta qxur tal-gajdri. Ir-riżorsi ġeoloġiċi huma abbundanti: antraċit, linjite, shale taż-żejt, żejt grezz, fosfati, ġebla tal-ġir u addittivi tas-siment, kaolin, ramel tas-siliċe, dolomit, kwarzit ta' oriġini eżoġena, antimonju, u merkurju ta' oriġini idrotermika. Barra minn hekk, hemm ukoll korpi tal-ilma fis-superfiċe, tal-ilma tal-pjan u tal-ilma minerali termali max-xatt tal-Bajja ta' Ha Long u ta' Bái Tử Long, kif ukoll riżorsi ambjentali oħra.[9][10]

F'termini ta' ġeoloġija tal-baħar, din iż-żona hija rreġistrata bħala ambjent kostali speċjalment bis-sedimenti, u b'hekk il-proċess ta' tnawwir kimiku tal-karbonat tal-kalċju jseħħ b'mod rapidu u joħloq xquq u għerien marittimi b'għamliet wesgħin u strambi.

Is-sediment tas-superfiċe li jinsabu fil-qiegħ ivarjaw minn tajn tafli għal ramel, madankollu, it-tajn bis-sediment u t-tajn tafli huma dominanti fid-distribuzzjoni tul il-bajja. B'mod partikolari, il-materjali bil-karbonat oriġinaw minn organiżmi li jirrappreżentaw bejn 60 u 65 % tal-kontenut tas-sedimenti. Is-sedimenti tas-superfiċe tal-iskolli tal-qroll huma l-iktar ramel u ċagħaq, li minnhom il-materjali tal-karbonat jokkupaw iktar minn 90 %. Is-sedimenti taż-żona intermareali jvarjaw minn tajn tafli, għal ramel u żrar, skont xi jkunu l-ambjenti distinti bis-sedimenti, bħal pereżempju l-artijiet bil-mangrovji, l-artijiet ċatti tal-marea, il-bajjiet, eċċ. Fil-bajjiet iż-żgħar tassew sbieħ, is-sedimenti tar-ramel jaf ikunu ddominati mill-kwarz jew mill-materjali tal-karbonati.

Is-saffi tas-sedimenti taż-żona intermareali, is-sedimenti fil-qiegħ tal-baħar fis-superfiċe ċatta li tikkonserva x-xmajjar antiki, is-sistemi ta' għerien u s-sedimenti tagħhom, it-traċċi tal-azzjoni antika tal-baħar li ffurmat xquq u għerien marittimi, bajjiet, terrazzi marittimi u artijiet bil-mangrovji distinti, huma evidenza importanti tal-avvenimenti u tal-proċessi ġeoloġiċi li seħħew fl-epoka Kwaternarja.

Storja tat-tettonika

Il-Bajja ta' Ha Long esperjenzat minn tal-inqas 500 miljun sena ta' diversi stati ġeoloġiċi ta' oroġenija, trasgressjoni marittima u regressjoni marittima. Matul il-perjodi Ordoviċjani u Silurjani (500-410 miljun sena ilu), il-Bajja ta' Ha Long kienet baħar fond. Matul il-perjodi Karboniferi u Permjani (340-250 miljun sena ilu), il-Bajja ta' Ha Long sar baħar baxx.

Iċ-ċaqliq 'il fuq dominanti neotettoniku u tettoniku reċenti influwenza ferm it-topografija ta' din iż-żona, u l-pajsaġġ attwali ta' gżejjer marittimi ġie ffurmat madwar 7,000 jew 8,000 sena ilu mill-invażjoni tal-baħar matul it-trasgressjoni tal-epoka Oloċena li kienet bdiet madwar 17,000-18,000 sena ilu. B'mod partikolari mill-epoka Oloċena, minn madwar 11,000 sena ilu, iż-żona ta' Cat Ba u ta' Ha Long fiha ħafna evidenza arkeoloġika li tikkollega l-varjazzjonijiet fil-livelli tal-baħar mal-iżvilupp ta' kulturi antiki bħall-kulturi ta' Soi Nhu u ta' Ha Long.

Ġeomorfoloġija karstika

L-Għerien ta' Sung Sot.

Minħabba kombinament simultanju ta' fatturi ideali bħal saffi tal-ġebla tal-ġir ħoxnin, mhux skuri, griżi u b'saħħithom, li ffurmaw bil-materjali b'granuli fini; klima sħuna u bl-indewwa u proċess tettoniku bil-mod inġenerali; il-Bajja ta' Ha Long kellha evoluzzjoni karstika sħiħa għal 20 miljun sena. Hemm bosta tipi ta' topografija karstika fil-bajja, bħall-għelieqi karstiċi.

Il-Bajja ta' Ha Long huwa pajsaġġ karstiku matur li żviluppa fi klima sħuna, bix-xita u tropikali. Is-sekwenzi ta' stadji fl-evoluzzjoni ta' pajsaġġ karstiku fuq perjodu ta' 20 miljun sena jirrikjedi kombinament ta' diversi elementi distinti, inkluż il-ħxuna kbira tal-ġebla tal-ġir, klima sħuna bix-xita, u olzar tettoniku kumplessiv li twettaq bil-mod. Il-proċess ta' formazzjoni karstika huwa maqsum f'ħames stadji, u t-tieni stadju huwa l-formazzjoni tal-gżejjer marittimi tal-ġebla tal-ġir. Dan jiġi segwit mill-iżvilupp karstiku tal-fengcong, li joħroġ fid-dieher fil-gruppi ta' għoljiet ta' Bo Hon u ta' Dau Be. Dawn il-koni b'xaqlibiet laterali għandhom għoli medju ta' 100 metru u l-ogħla kon jaqbeż il-200 metru. Il-formazzjonijiet karstiċi fenglin huma kkaratterizzati minn torrijiet separati weqfin. Il-mijiet ta' gżejjer tal-blat li jiffurmaw il-pajsaġġ tal-Bajja ta' Ha Long huma t-torrijiet individwali ta' pajsaġġ klassiku fenglin fejn il-pjanuri bejniethom niżlu taħt il-livell tal-baħar. Il-biċċa l-kbira tat-torrijiet ilaħħqu għoli ta' bejn 50 u 100 metru, b'proporzjon ta' għoli/wisa' ta' madwar 6. Id-dolini karstiċi ġew mgħerrqa mill-baħar, u saru l-abbundanza ta' lagi fi ħdan il-gżejjer tal-ġebla tal-ġir. Pereżempju, il-gżira ta' Dau Be fil-bokka tal-Bajja ta' Ha Long għandha sitt lagi interni, inkluż il-lagi ta' Ba Ham li jinsabu fi ħdan il-formazzjonijiet karstiċi fengcong. Il-Bajja ta' Ha Long fiha eżempji pajsaġġistiċi tal-fengcong, tal-fenglin u tal-pjanura karstika. Dawn mhumiex stadji evoluzzjonarji separati iżda r-riżultat ta' proċessi naturali mhux uniformi fit-tnawwir ta' massa kbira tal-ġebla tal-ġir. L-erożjoni marittima ħolqot xquq li f'xi postijiet twessgħu u saru għerien. Ix-xquq marittimi huma karatteristika tal-kosta tal-ġebla tal-ġir, iżda fil-Bajja ta' Ha Long, ħolqot il-pajsaġġ matur.

Fi ħdan il-Bajja ta' Ha Long, l-għerien aċċessibbli prinċipali huma l-passaġġi l-antiki li għadhom jeżistu minn meta l-formazzjonijiet karstiċi kienu qed jevolvu mid-diversi stadji ta' fengcong u ta' fenglin. Fil-gżejjer tal-ġebla tal-ġir jistgħu jiġu rikonoxxuti tliet tipi prinċipali ta' għerien (Waltham, T. 1998):

  • fdalijiet ta' għerien freatiċi;
  • għerien karstiċi antiki mal-baħar;
  • għerien marittimi fi xquq taħt il-baħar.

L-ewwel grupp jikkonsisti minn għerien freatiċi antiki li jinkludu: Sung Sot, Tam Cung, Lau Dai, Thien Cung, Dau Go, Hoang Long u Thien Long. Illum il-ġurnata, dawn l-għerien jinsabu f'diversi livelli għoljin. L-Għar ta' Sung Sot jinsab fuq il-gżira ta' Bo Hon. Mid-daħla tal-kompartimenti maqtugħa tagħha li issa jinsabu fuq irdum, hemm passaġġ għoli u wiesa' iktar minn 10 metri li jinżel lejn in-Nofsinhar. L-Għar ta' Tam Cung huwa għar freatiku kbir li fforma minn xaqq li twessa' fil-ġebla tal-ġir u li nqasam fi tliet kompartimenti. L-Għar ta' Lau Dai huwa għar b'għadd ta' passaġġi estiżi fuq fetħa ta' 300 metru fuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-gżira ta' Con Ngua. L-Għerien ta' Thien Cung u ta' Dau Go huma fdalijiet tal-istess sistema ta' għerien antiki. It-tnejn li huma għadhom jeżistu fil-parti tat-Tramuntana tal-gżira ta' Dau Go f'madwar 20 sa 50 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. L-Għar ta' Thien Cung għandu kompartiment kbir wieħed li huwa itwal minn 100 metru u bblukkat fit-truf tiegħu, kważi maqsum mill-ġdid f'kompartimenti iżgħar permezz ta' ħajt enormi ta' stalaktiti u ta' stalagmiti. L-Għar ta' Dau Go huwa mina kbir waħda li tinżel tul sett ta' xquq.

It-tieni grupp ta' għerien huwa dak tal-għerien karstiċi antiki mal-baħar li jinkludu: Trinh Lu, Bo Nau, Tien Ong u Trong. L-għerien karstiċi antiki mal-baħar huma karatteristika komuni tal-pajsaġġi karstiċi li jkunu laħqu stadju ta' qtugħ laterali mifrux fil-livell tal-bażi. Jistgħu jkunu estiżi lura f'għerien b'labirint ta' kompartimenti bin-nixxigħat li jnixxu minn sistemi ta' għerien ikbar fi ħdan il-ġebla tal-ġir. Huma distinti mill-elementi prinċipali tal-passaġġi tagħhom li jkunu kważi orizzontali u spiss ikunu qishom terrazzi ta' sedimenti akkumulati fil-livelli l-antiki tal-bażi. L-Għar ta' Trinh Nu, li huwa wieħed mill-ikbar għerien karstiċi antiki mal-baħar fil-Bajja ta' Ha Long, b'saqaf għoli madwar 12-il metru 'l fuq mil-livell tal-baħar u twil xi 80 metru, ġie żviluppat f'diversi stadji. L-Għar ta' Bo Nau huwa għar orizzontali li fih depożiti ta' stalaktiti antiki, f'pożizzjoni trasversali mal-pjan.

It-tielet grupp huwa dak tal-għerien marittimi fi xquq taħt il-baħar li huma karatteristika karstika speċjali tal-Bajja ta' Ha Long. Il-proċess tal-azzjoni tal-ilma baħar fuq il-ġebla tal-ġir u tal-erożjoni bl-azzjoni tal-mewġ joħloq xquq fil-bażi tal-irdumijiet. F'kundizzjonijiet vantaġġużi, it-tnawwir tal-ġebla tal-ġir ikompli jwessa' kostantement ix-xquq fl-irdumijiet u jiġu estiżi f'għerien. Ħafna minn dawn fil-livell tal-baħar jestendu ġol-għoljiet tal-ġebla tal-ġir f'dolini mgħerrqa li issa ffurmaw lagi tal-marea.

Karatteristika li tiddistingwi l-għerien marittimi fi xquq taħt il-baħar hi li jkollhom soqfa orizzontali tassew lixxi ġol-ġebla tal-ġir. F'xi għerien marittimi fi xquq taħt il-baħar ma ffurmawx fil-livell tal-baħar attwalil, iżda f'livelli tal-baħar antiki relatati ma' bidliet fil-livell tal-baħar fit-trasgressjoni tal-epoka Oloċena u fil-livelli tal-baħar tal-epoka Plejstoċena. Uħud minnhom ippreservaw l-iżvilupp ta' għerien karstiċi antiki mal-baħar fl-ambjent kontinentali jew ippreservaw il-fdalijiet ta' għerien freatiċi antiki. Waħda mill-iżjed karatteristiċi mhux tas-soltu tal-Bajja ta' Ha Long tinsab fil-grupp ta' lagi moħbija ta' Bo Ham u fil-mina li tikkollegahom mal-għerien marittimi fi xquq taħt il-baħar fil-gżira ta' Dau Be. Mill-irdumijiet fil-perimetru tal-gżira hemm għar wiesa' 10 metri fil-livell tal-ilma u li jserrep b'tali mod li huwa kważi fid-dlam għalkollox, iżda jestendi madwar 150 metru sa lag intern. L-Għar ta' Luon jinsab fil-gżira ta' Bo Hon u jestendi għal 50 metru iżda f'lag ikkonfinat tal-marea. Għandu stalaktita enormi ta' żewġ metri maqtugħa fil-livell modern tal-marea li għaddiet minn bosta stadji biex ġiet iffurmata.

Il-pajsaġġ karstiku tal-Bajja ta' Ha Long għandu importanza internazzjonali u fundamentali għax-xjenza tal-ġeomorfoloġija. It-torri karstiku fenglin, li huwa t-tip preżenti fil-biċċa l-kbira tal-Bajja ta' Ha Long, hu l-iżjed forma estrema ta' żvilupp pajsaġġistiku tal-ġebla tal-ġir. Jekk dawn il-pajsaġġi karstiċi jitqabblu b'mod wiesa' f'termini tal-għoli, tal-angolu u tal-għadd ta' torrijiet karstiċi tagħhom, il-Bajja ta' Ha Long x'aktarx li tiġi biss wara Yangshou, iċ-Ċina. Madankollu, il-Bajja ta' Ha Long ġiet invaża wkoll mill-baħar u għaldaqstant, għall-inqas parzjalment, il-ġeomorfoloġija tal-gżejjer tal-ġebla tal-ġir tagħha, huma l-konsegwenza tal-erożjoni tal-baħar. L-invażjoni tal-baħar tiddistingwi l-Bajja ta' Ha Long u tagħmilha unika fid-dinja. Hemm inħawi oħra ta' torrijiet karstiċi taħt l-ilma li ġew invażi mill-baħar, iżda l-ebda post mhu daqshekk estensiv daqs il-Bajja ta' Ha Long.[11]

Kronoloġija tal-evoluzzjoni ġeoloġika

Uħud mill-iżjed avvenimenti ġeoloġiċi notevoli fl-istorja tal-Bajja ta' Ha Long seħħew fl-aħħar 1,000 sena, inkluż l-avvanz tal-baħar, l-olzar tal-inħawi tal-bajja, l-erożjoni qawwija li ffurmat bajja b'ilmijiet daqstant mielħa u ta' lewn ikħal permezz tal-qroll u l-ġebla tal-ġir. Dan il-proċess ta' erożjoni bl-ilma baħar ħaffar fil-fond tal-ġebla u kkontribwixxa għas-sbuħija tal-post. Illum il-ġurnata, il-Bajja ta' Ha Long hija r-riżultat ta' dan il-proċess twil ta' evoluzzjoni ġeoloġika li ġiet influwenzata minn bosta fatturi.

Minħabba dawn il-fatturi kollha, it-turisti li jżuru l-Bajja ta' Ha Long mhux biss jistgħu jitpaxxew u jgawdu wieħed mill-għeġubijiet naturali tad-dinja, iżda anke "mużew" ġeoloġiku prezzjuż li ġie ppreservat b'mod naturali fil-beraħ għal dawn l-aħħar 300 miljun sena.

Data Perjodu ġeoloġiku Avvenimenti
570,000,000–500,000,000 Q.K. il-bidu tal-perjodu Kambrijan Iż-żona, li issa tifforma l-Bajja ta' Ha Long, bażikament kienet art kontinentali, soġġetta għall-erożjoni mix-xita.
tmiem il-perjodu Kambrijan Iż-żona ġiet mgħerrqa u dan ta bidu għall-eżistenza tal-Bajja ta' Ha Long.
500,000,000–400,000,000 Q.K. il-perjodi Ordoviċjani u Silurjani Iż-żona tal-Grigal tal-Vjetnam kienet kważi qisha baħar fond, u ġiet sottomessa għall-attività kostanti tal-plakek tettoniċi.
tmiem il-perjodu Silurjan Għaddiet minn fażi ta' ċaqliq bil-kontra li ħoloq il-muntanji fil-fond taħt l-ilma.
420,000,000–340,000,000 Q.K. tmiem il-perjodu Silurjan u tul il-perjodu Devonjan kollu Iż-żona kienet soġġetta għal forzi qawwijin ta' erożjoni mill-klima sħuna u niexfa. F'dan l-istadju, il-Bajja ta' Ha Long kienet parti mill-art kontinentali wiesgħa li llum il-ġurnata tifforma l-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina u l-blata kontinentali Ċiniża.
tmiem il-perjodu Devonjan Minħabba l-attività tettonika, iż-żona ta' Ha Long u r-reġjun kollu tal-Grigal ġew olzati mill-fond tal-baħar.
340,000,000–240,000,000 Q.K. il-perjodi Karboniferi u Permjani Il-formazzjoni tas-saff tal-ġebla tal-ġir hija eħxen minn 1,000 metru. Reġa' fforma baħar baxx u sħun, li eżista għal madwar 100 miljun sena. Inħolqu żewġ tipi ta' ġebla tal-ġir: is-saff ta' Cát Bà tal-perjodu Karboniferu bikri (bi ħxuna ta' 450 metru); u s-saff ta' Quang Hanh tal-perjodu Karboniferu Nofsani u tal-perjodu Permjan bikri (bi ħxuna ta' 750 metru). Dawn iż-żewġ saffi jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-gżejjer tal-Bajja ta' Ha Long.
67,000,000 Q.K. tmiem il-perjodu Kretaċju Il-Bajja ta' Ha Long eżistiet fl-ambjent ta' art kontinentali muntanjuża għolja minħabba l-influwenza tal-fażijiet tal-formazzjoni massiċċa tal-muntanji.
nofs il-perjodu Paleoġen Dan iċ-ċaqliq baqa' kontinwu u stabbli, filwaqt li bdew proċessi b'saħħithom ta' erożjoni, u wara miljuni ta' snin, issawret forma ta' topografija ta' art semigħolha. Il-kontinwazzjoni ta' din l-erożjoni progressivament qatgħet l-artijiet għoljin f'blokok b'altitudnijiet simili għall-muntanji ta' llum il-ġurnata.
26,000,000–10,000,000 Q.K. il-perjodu Neoġen L-iżvilupp tad-depressjoni ta' Ha Long.
2,000,000–9000 Q.K. l-epoka Plejstoċena tal-perjodu Kwaternarju Il-proċess ta' erożjoni beda jnawwar ir-reġjun ta' Ha Long mimli bil-ġebla tal-ġir, u mbagħad ifforma b'mod attiv il-pjanura tal-ġebla tal-ġir.
68,000–9000 Q.K. nofs u l-aħħar tal-epoka Plejstoċena Il-perjodu meta l-għerien u l-grotti tal-inħawi ffurmaw.
il-bidu tal-epoka Oloċena Il-gżejjer tal-Bajja ta' Ha Long kif nafuhom illum il-ġurnata bażikament huma fdalijiet ta' dawn il-muntanji, mgħerrqin. L-ilma tax-xita daħal fix-xquq fil-ġebla tal-ġir li kienu ffurmaw permezz tal-attività tettonika. Din l-erożjoni kostanti wessgħet ix-xquq, u eventwalment ħolqot il-formazzjonijiet attwali.
9000–5000 Q.K. l-epoka Oloċena Dan il-perjodu huwa notevoli għall-avvanz tal-baħar.
5000–2000 Q.K. Iċ-ċaqliq tal-baħar laħaq il-qofol tiegħu u fforma il-Bajja ta' Ha Long kif nafuha llum il-ġurnata.
2000–1000 Q.K. Bil-baħar f'proċess kostanti ta' reċessjoni, bdiet tiżviluppa l-kultura ta' Ha Long.
il-bidu tal-aħħar tal-epoka Oloċena Il-livell tal-ilma għola mill-ġdid, u fforma art imtajna ta' kanali u ta' nixxigħat, u ħoloq marki tal-ilma li għadhom jidhru fl-irdumijiet tal-Bajja ta' Ha Long.

Ekoloġija

Veduta tal-Bajja ta' Ha Long mill-Gżira tax-Xadini.

Il-Bajja ta' Ha Long tospita żewġ ekosistemi: ekosistema tropikali, bl-indewwa, b'siġar dejjem iħaddru u b'foresti tropikali; u ekosistema marittima u kostali. Il-bajja tospita seba' speċijiet endemiċi: Livistona halongensis, Impatiens halongensis, Chirita halongensis, Chirita hiepii, Chirita modesta, Paraboea halongensis u Alpinia calcicola. Jista' jinstab ukoll plankton bijoluminixxenti.

Il-bosta gżejjer fil-bajja jospitaw ħafna speċijiet oħra, inkluż iżda mhux limitat għalihom): 477 magnoliales, 12-il pteris, 20 speċi ta' flora tal-bwar salmastri; kif ukoll 4 anfibji, 10 rettili, 40 għasfur, u 4 mammiferi.

Speċijiet akkwatiċi komuni li jinstabu fil-bajja jinkludu: is-siċċ (mực); il-gajdri (hào); cyclinae (ngán); il-gambli (penaeidea (tôm he), panulirus (tôm hùm), parapenaeopsis (tôm sắt), eċċ.); sipunculoideas (sá sùng); nerita (ốc đĩa); charonia tritonis (ốc tù và); u cà sáy.

Ħsara ambjentali

B'żieda kulma jmur fil-kummerċ turistiku, il-mangrovji u l-ħaxix tal-baħar tneħħew u minflokhom inbnew mollijiet u qaliet imkennija għad-dgħajjes tat-turisti.

Is-sajd għad-divertiment, spiss qrib l-iskolli tal-qroll, qed jhedded bosta speċijiet mhedda ta' ħut.

Il-gvern u n-negozji lokali jafu bil-problemi u ttieħdu bosta miżuri sabiex jittaffa l-impatt tat-turiżmu fuq l-ambjent tal-bajja favur tkabbir ekonomiku sostenibbli, bħall-introduzzjoni ta' ġiti turistiċi li jħarsu l-ambjent u l-introduzzjoni ta' kontroll strett fuq l-iskart fl-istabbilimenti turistiċi.[12]

Premjijiet u deżinjazzjonijiet

Fl-1962, il-Ministeru għall-Kultura, l-Isport u t-Turiżmu tal-Vjetnam iddeżinja l-Bajja ta' Ha Long bħala "Monument Pajsaġġistiku Nazzjonali Rinomat".

Il-Bajja ta' Ha Long tniżżlet bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994[13].

F'Ottubru 2011, il-Fond Dinji għall-Monumenti inkluda l-bajja fil-World Monuments Watch tal-2012, u kkwota l-pressjoni tat-turiżmu u l-iżvilupp assoċjat bħala theddidiet għas-sit li jridu jiġu indirizzati. L-għan tal-Watch-listing hu li jiġu promossi strateġiji ta' żvilupp responsabbli ta' protezzjoni tal-wirt għal futur sostenibbli.

Fl-2012, in-New 7 Wonders Foundation uffiċjalment elenkat il-Bajja ta' Ha Long bħala wieħed mis-Seba' Għeġubijiet Naturali l-Ġodda tad-dinja.

Il-Bajja ta' Ha Long hija membru wkoll tal-Klabb tal-Isbaħ Bajjiet tad-Dinja.[14]

Sit ta' Wirt Dinji

Il-Bajja ta' Ha Long ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994. Iż-żona tal-qalba u ż-żona ta' lqugħ tas-sit ġew immodifikati kemxejn fis-sena 2000.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[4]

Letteratura

F'kitbiet dwar il-Bajja ta' Ha Long, il-kittieba Vjetnamiżi li ġejjin qalu:

  • Nguyễn Trãi: "Dan il-post tal-għaġeb huwa art tiela' 'l fuq f'nofs is-smewwiet".
  • Xuân Diệu: "Hawnhekk hemm l-opri mhux kompluti tal-ħlejqiet... Hawnhekk hemm il-ħaġriet li l-Ġgant kien jilgħab bihom u jarmihom".
  • Nguyên Ngọc: "...biex tifforma dan il-post tal-għaġeb, in-natura tuża biss: ġebel u ilma... Hemm żewġ materjali biss li ntgħażlu fost bosta materjali, għall-kitba, għat-tpinġija, għall-iskultura, għall-ħolqien ta' kollox... Huwa possibbli ħafna li din hija l-immaġni tad-dinja tal-futur".
  • Ho Chi Minh: "Dan huwa post tal-għaġeb li wieħed ma jistax jispjegah lill-oħrajn".
  • Pham Văn Đồng: "Dan xenarju wieħed jew bosta xenarji? Huwa xenarji dinji jew ta' dinja oħra?".
  • Nguyễn Tuân: "Il-muntanji biss jaċċettaw li jkollhom iż-żmien, iżda l-baħar u l-mewġ ta' Ha Long huma żgħażagħ għal dejjem".
  • Huy Cận: "Il-lejl jieħu n-nifs, l-istilel imewwġu l-ilma ta' Ha Long".
  • Chế Lan Viên: "Id-draguni ta' Ha Long u ta' Bái Tử Long kienu moħbija, il-ġebel biss baqa' jidher. F'iljieli bid-dawl tal-qamar, il-ġebel jimmedita bħalma jagħmel il-bniedem..."
  • Lord Trịnh Cương: "Il-muntanji jleqqu bid-dell tal-ilma, l-ilma jirrifletti s-sema kullimkien".

Ġrajjiet antiki

L-abitanti tal-Bajja ta' Ha Long fasslu bosta ġrajjiet li jispjegaw l-ismijiet mogħtija lid-diversi gżejriet u għerien fil-bajja.

  • L-Għar ta' Dau Go (litteralment: l-għar "tal-puntali tal-injam"): dawn il-puntali tal-injam fl-għar huma l-fdalijiet ta' puntali tal-injam ġejjin għall-ponta li nbnew taħt wiċċ l-ilma skont l-ordni tal-kmandant Trần Hưng Đạo sabiex jgħerrqu l-vapuri tal-invażuri Mongoli fis-seklu 13.
  • L-Għar ta' Kim Quy (litteralment: l-għar tal-"Fekruna tad-Deheb"): jingħad li l-Fekruna tal-baħar tad-Deheb għamet lejn il-Baħar tal-Lvant (issa magħruf internazzjonalment bħala l-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina) wara li rritornat ix-xabla sagra li kienet għenet lir-Re Lê Thái Tổ fil-battalja kontra l-invażuri Ming miċ-Ċina. Imbagħad, bl-approvazzjoni tar-Re tal-Baħar, il-Fekruna tad-Deheb kompliet tiġġieled kontra l-mostri f'din iż-żona marittima. Il-fekruna għejjiet u mietet fl-għar. B'hekk l-għar issemma għall-Fekruna tad-Deheb.
  • Il-Gżejra ta' Con Coc (litteralment: il-Gżejra taż-Żrinġ): hija gżejra b'għamla ta' żrinġ. Skont ġrajjiet antiki, f'sena ta' nixfa kbira, kien hemm żrinġ li dderieġa lill-annimali kollha lejn il-Ġenna u pprotesta kontra alla. Huma pprotestaw favur ix-xita. Bis-saħħa ta' hekk, alla kellu jaċċetta liż-żrinġ bħala zijuh. Minn dak iż-żmien 'l hawn, kull meta ż-żrinġiet jagħmlu ħoss bi snienhom, alla jrid iwassal ix-xita.
  • L-Għerien ta' Hang Trong u ta' Hang Trinh Nu (litteralment: l-Għar Maskili u l-Għar Verġni jew Femminili): hemm ġrajja li tirrakkonta li mara sabiħa kienet saret tħobb sajjied li kellu jbaħħar mhux wisq wara li tgħarrsu. Sid tal-art ra din it-tfajla sabiħa u qabadha, iżda minħabba r-reżistenza tagħha, is-sid tal-art eżilja lit-tfajla fuq gżira remota. Wara li tħalliet tmut bil-ġuħ, it-tfajla mietet u nbidlet fi statwa f'post li n-nies sejħu Hang Trinh Nu (Għar Verġni/Femminili). L-għarus tagħha ġera lejn il-gżira fejn kien hemm l-għar u meta nduma x'kien ġara, huwa nbidel f'għar ieħor fil-qrib imsejjaħ Hang Trong (Għar Maskili).
  • L-Għar ta' Thien Cung (litteralment: Għar tal-Ġenna): dan l-għar huwa wieħed mill-postijiet assoċjati mar-re dragun l-antik. Jingħad li l-Għar ta' Thien Cung kien il-post fejn seħħ it-tieġ ta' sebat ijiem tar-re dragun. Sabiex jifirħu lill-koppja, bosta draguni kif ukoll iljunfanti attendew biex jiżfnu u jtiru.

Referenzi

  1. ^ "Ủy ban Tổ chức quốc tế". web.archive.org. 2009-01-07. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-01-07. Miġbur 2022-08-31.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ "Welcome to HaLong Bay Website". web.archive.org. 2009-01-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-01-15. Miġbur 2022-08-31.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ ".: Tuoi Tre Online - Ha Long :". web.archive.org. 2009-02-20. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-02-20. Miġbur 2022-08-31.
  4. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Ha Long Bay". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-31.
  5. ^ "www.cpv.org.vn - 下 龙 市". web.archive.org. 2013-11-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-11-01. Miġbur 2022-08-31.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  6. ^ "Cultural and Historical Values". web.archive.org. 2012-02-02. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-02-02. Miġbur 2022-08-31.
  7. ^ "Cultural & Historical Value of Ha Long Bay". halongwonders. Miġbur 2022-08-31.
  8. ^ Réalités vietnamiennes (Les réalités permanentes), Saigon, 1969, p. 52 (bil-Franċiż).
  9. ^ "t1a". www.idm.gov.vn. Miġbur 2022-08-31.
  10. ^ Tran Duc Thanh; Waltham Tony (1 September 2001). "The outstanding value of the geology of Ha Long Bay". Advances in Natural Sciences. 2 (3). ISSN 0866-708X.
  11. ^ Trần Văn Trị, Trần Đức Thạnh, Tony Waltham, Lê Đức An, Lại Huy Anh, 2003. The Ha Long Bay World Heritage: Outstanding geological values. Journal of Geology, Series B. No. 22/2003. pp. 1-18.
  12. ^ "HSC Online". web.archive.org. 2008-07-31. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-07-31. Miġbur 2022-08-31.
  13. ^ "WH Committee: Report of the 18th Session, Phuket 1994". whc.unesco.org. Miġbur 2022-08-31.
  14. ^ "Ha Long Bay". web.archive.org. 2013-04-30. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-04-30. Miġbur 2022-08-31.